Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li fʼDiċembru 2025, l-ogħla rati annwali taʼ inflazzjoni kienu rreġistrati fl-Edukazzjoni (4.3 fil-mija) u fl-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (3.7 fil-mija).
Min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni (-5.5 fil-mija) u l-Ħwejjeġ u ż-żraben (-3.2 fil-mija) irreġistraw l-aktar rati baxxi tal-inflazzjoni annwali.
L-akbar kontribuzzjoni pożittiva għall-inflazzjoni annwali ġiet mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+0.68 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-laħam.
It-tieni u t-tielet l-akbar kontribuzzjonijiet għall-inflazzjoni annwali kienu nnotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u lukandi (+0.48 punti perċentwali) u fl-Indiċi tat-Trasport (+0.33 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tas-servizzi tar-ristoranti u tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, rispettivament.
Il-kontribuzzjonijiet negattivi għall-inflazzjoni annwali kienu rreġistrati fl-Indiċi tal-Komunikazzjoni (-0.20 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Ħwejjeġ u ż-żraben (-0.13 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet inqas għal servizzi tal-mowbajl u għall-ħwejjeġ, rispettivament.