Fil-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt Valletta ttellgħet l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) għal din is-sena, li tmexxiet miċ-Chairperson il-ġdida tal-MCESD, Maria Micallef.
FL-ewwel indirizz tagħha fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u l-imsieħba soċjali, Micallef spjegat li l-MCESD għandu għan uniku u essenzjali f’pajjiżna: li jservi bħala spazju ta’ djalogu strutturat, serju u kostruttiv bejn l-imsieħba soċjali. Hija rrimarkat ukoll li, f’dinja li qed tinbidel b’mod rapidu – ekonomikament, soċjalment, u teknoloġikament – il-ħtieġa għal djalogu matur u infurmat qatt ma kienet daqshekk strumentali u neċessarju.
Ic-chairperson saħqet fuq l-impenn tagħha li tmexxi l-MCESD b’integrità, imparzjalità u serjetà mal-imsieħba soċjali kollha. Hija rrimarkat ukoll li fil-jiem li ġejjin se tkun qed tiltaqa’ mal-membri u l-Kumitati tal-Kunsill tal-MCESD biex immedjatament jiġu diskussi l-aspettattivi tal-imsieħba soċjali, u jsir xogħol strutturat biex dawn jintlaħqu b’mod professjonali.
Fl-indirizz tiegħu, Ellul saħaq li l-MCESD matul din is-sena se jitratta suġġetti ta’ importanza nazzjonali, l-istess kif għamel matul is-sena li għaddiet.
Hu ħabbar ukoll li l-miżuri tar-Right to Disconnect, ir-Remote Working u l-miżuri bħal dawk tal-leave tal-Maternità, tal-Paternità, u l-leave tal-ġenituri, se jkunu qed jitressqu quddiem l-MCESD għad-diskussjoni qabel jiġu konklużi.
Dawn il-miżuri, żied jispjega s-Segretarju Parlamentari, għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu b’mod konkret il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik personali, permezz ta’ mudell modern u sostenibbli li jirrispekkja r-realtajiet tal-lum u anke l-bżonnijiet tal-pajjiż.
Matul il-laqgħa ġiet rikonoxxuta wkoll il-ħidma tal-Perit David Xuereb fit-tliet snin tiegħu bħala Chairperson, li intqal kompla jsaħħaħ l-irwol tal-MCESD bħala l-pjattaforma nazzjonali ewlenija għad-djalogu soċjali.
Din il-laqgħa kienet ukoll l-ewwel waħda għas-Segretarju Permanenti Carlos Tabone fl-irwol tiegħu bħala deputat chairperson tal-MCESD. Barra minn hekk, f’din il-laqgħa Micallef ippresediet l-ewwel laqgħa tagħha bħala l-ewwel Chairperson mara tal-MCESD.