Il-Malta Food Agency, f’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, organizzat serata ta’ apprezzament tal-inbejjed Maltin nhar it-Tnejn, 29 ta’ Settembru 2025, fil-Bini tal-Parlament, il-Belt Valletta. L-avveniment ġie maħsub biex jiċċelebra l-eċċellenza tal-inbejjed lokali u juri l-apprezzament lejn il-produtturi li b’dedikazzjoni kontinwa qegħdin isaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta f’dan is-settur.
Is-serata laqqgħet flimkien personalitajiet distinti, rappreżentanti mill-industrija tal-inbid u stakeholders mis-setturi tal-ikel, it-turiżmu u l-wirt kulturali kif ukoll mill-Korp Diplomatiku. L-attendenza għolja kienet xhieda tal-interess dejjem jikber fl-inbid Malti u fil-potenzjal tiegħu bħala parti mill-identità gastronomika u kulturali tal-pajjiż.
L-Onorevoli Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Anġlu Farrugia fid-diskors tiegħu fetaħ il-wirja tal-inbid fil-Parlament ta’ Malta, u ddeskriva l-inbid bħala prodott qadim daqs iċ-ċiviltà, bil-bidu tiegħu 8,000 sena ilu fil-Ġorġja u l-Mesopotamja. Huwa semma r-rwol tiegħu fl-Eġittu, fil-Greċja u f’Ruma, u enfasizza wkoll l-istorja ta’ Malta fit-tkabbir tad-dwieli sa minn żmien il-Feniċi u r-Rumani.
Faħħar il-kreattività u r-reżiljenza tal-industrija Maltija tal-inbid, li llum tirrifletti l-ħamrija, il-klima u l-kultura tal-gżejjer, u qed tasal ukoll fis-swieq internazzjonali.
L-Ispeaker qal li l-Parlament jilqa’ avvenimenti bħal dawn biex juri l-irwol tiegħu bħala dar tal-kultura u l-identità. Huwa kkonkluda li l-inbid mhuwiex biss agrikoltura jew gastronomija, imma wkoll rifless tal-vjaġġ twil tal-umanità, maqsum fil-ħbiberija u l-ferħ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella stqarr li din is-serata kienet opportunità biex nuru l-apprezzament tagħna lejn il-produtturi tal-inbid Maltin, li b’passjoni u dedikazzjoni qegħdin iżidu l-valur tal-agrikoltura u l-gastronomija tagħna. Din l-attività tkompli tħaddan il-viżjoni tal-Malta Food Agency li s-settur tal-ikel, li fih jinkorpora wkoll is-settur tal-inbid, ikompli jissaħħaħ bħala pilastru ekonomiku importanti għal pajjiżna, filwaqt li jtejjeb ukoll l-identità kulturali u l-esperjenza kulinari ta’ Malta.
Iċ-Chief Business Development Officer tal-Malta Food Agency, Justin John Camilleri, saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-għaqda. Filwaqt li esprima s-sens ta’ kburija li l-Malta Food Agency waslet f’dan il-punt u sostna li fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa. Huwa emfasizza li t-twemmin sħiħ f’dan is-settur wassal sabiex jingħata l-importanza li jixraqlu, attività li nżammet fil-bini tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż b’kollaborazzjoni mal- Uffiċċju tal-Ispeaker. Kompla billi spjega kif l-aġenzija ingħaqdet mal-Malta Tourism Authority u Heritage Malta sabiex jinħoloq impenn komuni u uniku, dak li jpoġġi l-ikel fuq nett tal-prioritajiet nazzjonali, billi l-ikel hu parti essenzjali mit-turiżmu, il-kultura, l-istorja u s-saħħa tal-poplu. Żied jgħid li dan hu biss il-bidu, u li se jkomplu jissaħħu u jkabbru dawn issħubijiet biex l-ikel u l-produtturi lokali jingħataw ir-rikonoxximent li jistħoqqilhom.
Din l-inizjattiva wriet b’mod ċar kemm l-inbid Malti qiegħed ikompli jsir parti integrali millidentità kulturali u gastronomika ta’ Malta. Is-serata offriet ukoll opportunità biex jiġu msaħħa r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-produtturi tal-inbid, filwaqt li ntwera lpotenzjal ta’ dan is-settur bħala forza pożittiva għall-ekonomija u t-turiżmu lokali.
Il-produtturi tal-inbid li ħadu sehem kienu: Emmanuel Delikata Winemaker, Markus Divinus, Marsovin, Meridiana Wine Estate, San Niklaw Estate, Ta’ Betta Wine Estates u Tal-Massar Winery.