
L-MFSA tiżgura li l-azzjonijiet ta’ infurzar ikunu ġusti, proporzjonati, dissważivi u effettivi
134 azzjoni meħuda minn 387 investigazzjoni li ntemmu fl-2024
minn Staff Reporter

Wara l-pubblikazzjoni reċenti tar-Rapport Annwali għall-2024, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) ippubblikat ħarsa aktar fil-fond fuq il-ħidma ta’ infurzar imwettqa matul is-sena. Bħala l-unika regolatur tas-servizzi finanzjarji f’Malta, l-MFSA hija responsabbli li twettaq investigazzjonijiet dwar ksur potenzjali tal-liġijiet u r-regolamenti tas-servizzi finanzjarji minn entitajiet jew individwi awtorizzati.
L-iskop tal-investigazzjoni huwa li jinkiseb fehim sħiħ tal-kwistjonijiet identifikati u jiġi ddeterminat jekk hemmx lok għal azzjoni ta’ infurzar. Meta tittieħed azzjoni regolatorja, li tista’ tvarja minn ċanfira pubblika, l-impożizzjoni ta’ direttiva jew ta’ penali amministrattiva, għal sospensjoni jew kanċellazzjoni tal-liċenzja, l-għan tal-MFSA huwa li tgħallem lil min jikser ir-regoli u tiddisswadi ksur fil-futur.
Fl-2024, il-funzjoni ta’ infurzar fi ħdan l-MFSA kienet qed taħdem fuq total ta’ 612 investigazzjoni pendenti, b’220 minn dawn jirrigwardaw persuni mhux awtorizzati, inklużi scams finanzjarji.
“Fl-2024, saħħaħna b’mod sinifikanti l-isforzi tagħna biex ninvestigaw individwi u entitajiet li potenzjalment kienu qed joffru servizzi finanzjarji f’Malta mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa,” qal il-Kap tal-Funzjoni ta’ Infurzar tal-MFSA Edward Grech. “L-MFSA tibqa’ soda fil-messaġġ tagħha: kwalunkwe attività finanzjarja mhux awtorizzata se tittieħed bis-serjetà u tiġi indirizzata permezz ta’ azzjoni ta’ infurzar xierqa.”
Is-settur l-aktar investigat kien is-Servizzi ta’ Investiment (187), segwit minn Fornituri ta’ Servizzi ta’ Kumpaniji (91) u s-Swieq Kapitali (43). Nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ dokumentazzjoni statutorja kien jammonta għal kważi nofs l-investigazzjonijiet fl-2024. Kwistjonijiet prevalenti oħra kienu nuqqasijiet fil-governanza u fil-kontrolli interni, nuqqasijiet fir-regolament dwar abbuż tas-suq u manipulazzjoni tas-suq.
60% tal-investigazzjonijiet pendenti ntemmu fl-2024 u ttieħdu total ta’ 134 azzjoni ta’ infurzar. Is-somma totali tal-penali imposti s-sena li għaddiet ammontat għal €926,485, b’120 każ minnhom jirċievu penali minħabba nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ dokumenti statutorji.
Ir-rappurtar fil-ħin ta’ dawn is-sottomissjonijiet huwa ta’ importanza kbira għall-MFSA sabiex tkun tista’ twettaq il-ħidma ta’ superviżjoni tagħha. Dan jippermetti lill-Awtorità tifhem jekk l-entitajiet liċenzjati humiex qed josservaw ir-regoli tagħha. Filwaqt li l-Awtorità osservat tnaqqis fin-numru ta’ dokumenti statutorji mhux sottomessi fi żmien stabbilit f’ċerti setturi tas-servizzi finanzjarji, in-numri għal setturi oħra baqgħu l-istess.
Is-setturi tas-servizzi ta’ investiment u l-assigurazzjoni u pensjonijiet kienu dawk li rċevew l-ogħla ammont ta’ penali. Fl-2024, l-MFSA kompliet tindirizza dawn il-kwistjonijiet billi imponiet ammont sostanzjalment ogħla ta’ azzjonijiet ta’ infurzar milli f’snin ta’ qabel.
Fir-rigward tal-penali maħruġa fl-2024, l-Awtorità daħlet fi ftehim ta’ soluzzjoni mal-ħolders tal-liċenzji f’38 każ. Skont il-politika tagħha ppubblikata fl-2022, ftehimiet ta’ soluzzjoni jipprovdu lill-entitajiet finanzjarji l-possibilità li jsolvu investigazzjonijiet fl-iqsar żmien possibbli.
Il-miżuri amministrattivi u l-penali kollha, kif ukoll l-avviżi ta’ ftehim ta’ soluzzjoni maħruġa mill-MFSA fl-2024 jinstabu fuq is-sit uffiċjali tal-MFSA – il-proċess ta’ pubblikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ infurzar huwa spjegat fil-Politika tal-Pubblikazzjoni tal-MFSA.
Skont din il-politika, l-MFSA tista’ wkoll tippubblika azzjoni ta’ infurzar b’mod anonimu fejn avviż pubbliku jkun jikkawża ħsara sproporzjonata lill-entità jew lill-individwu involut u meta l-miżuri amministrattivi imposti jkunu relatati ma’ ksur mhux sinifikanti u l-penali amministrattiva ma taqbiżx €30,000. L-anonimità madankollu ma tapplikax għal każijiet appellati quddiem it-Tribunal tas-Servizzi Finanzjarji jew fejn ikunu qed isiru proċeduri ġudizzjarji kontra l-MFSA, peress li l-identità tal-persuna investigata tkun diġà ġiet magħrufa waqt il-proċeduri.
Filwaqt li kkummentat dwar il-ħidma kontinwa ta’ infurzar, l-Uffiċjal Kap tal-Infurzar tal-MFSA Dr Michelle Mizzi Buontempo qalet: “Matul l-2024, l-Awtorità kompliet taħdem fuq it-tisħiħ tal-għarfien dwar l-istandards li għandhom jiggwidaw l-attivitajiet u l-imġiba tal-operaturi fl-industrija tas-servizzi finanzjarji. Aħna impenjati li nkomplu nrawmu kultura b’saħħitha ta’ konformità, b’fokus fuq it-trasparenza fil-proċessi tagħna kif ukoll fuq il-proporzjonalità fl-approċċ tagħna.”
Ħarsa ġenerali sħiħa lejn il-ħidma ta’ infurzar tal-MFSA fl-2024 tinstab fuq il-website tal-MFSA.