Skont l-ewwel rapport uffiċjali għall-2025 dwar il-bilanċ fiskali u d-dejn tal-Gvern Ġenerali taħt it-Trattat ta’ Maastricht, li huwa t-trattat tal-fundazzjoni tal-Unjoni Ewropea, Malta rreġistrat defiċit ta’ €825.3 miljuni fl-2024, li jammonta għal 3.7% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG).
Minkejja dan, il-proporzjon tad-dejn naqas b’mod minimu għal 47.4% tal-PDG minn 47.9%, minkejja żieda f’termini assoluti għal €10.6 biljun.
Titjib fis-sitwazzjoni fiskali
Id-defiċit għas-sena 2024 jirrappreżenta titjib ta’ €146.3 miljuni fuq dak tal-2023, bis-saħħa ta' żieda sostanzjali fid-dħul tal-gvern li laħaq €7.8 biljuni, żieda ta’ €1.2 biljuni meta mqabbla mas-sena l-oħra.
Fl-istess ħin, kien hemm żieda kemxejn inqas fl-infiq, li laħqet total ta’ €8.6 biljuni, żieda ta’ €1.1 biljuni mis-sena l-oħra 'l hawn. Dan wassal biex il-piż tal-defiċit bħala persentaġġ tal-PDG jonqos b’1.1 punt perċentwali mill-2023.
Id-dejn pubbliku stabbli iżda għoli
Id-dejn pubbliku kompla jiżdied b’€817.7 miljuni matul is-sena, għalkemm il-proporzjon tiegħu mal-PDG naqas marġinalment minn 47.9% għal 47.4%, indikazzjoni ta’ tkabbir ekonomiku li rnexxielu jibbilanċja parti mit-tkabbir fid-dejn.