HSBC jappoġġja d-diversità fil-bordijiet ta’ Malta

HSBC Malta sar l-ewwel firmatarju f’Malta li ffirma ċ-Charter il-ġdid ta’ Women Directors Malta 

Il-Bank HSBC Malta sar l-ewwel firmatarju f’Malta li ffirma ċ-Charter il-ġdid ta’ Women Directors Malta (WDM). Iċ-charter ifittex li jagħti spinta u jmexxi l-bidla favur id-diversità fil-livelli ta’ bord u eżekuttiv fis-settur privat f’Malta.

Illum is-sehem tan-nisa fil-bordijiet f’Malta hu biss ta’ 2.5 fil-mija, ferm inqas mill-medja ta’ 21.2 fil-mija fl-ikbar kumpaniji tal-UE- 28 ikkwotati fuq il-Borża. Dawn iċ-ċifri, maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, jieħdu xejra aktar ta’ tħassib meta jitqabblu mal-fatt li 60 fil-mija tal-gradwati l-ġodda mill-universitajiet fl-Ewropa huma nisa.

Iċ-Charter imur lil hinn mill-prassi tal-passat ta’ leġislazzjoni, miri u kwoti volontarji, u minflok jinċentiva adozzjoni permezz ta’ marka ta’ kwalità. Il-Marka ta’ Kwalità ta’ WDM għandha l-għan li turi lill-istaff, aġenziji, nisa impjegati li se jissieħbu ma’ dik il-kumpanija, sponsors u l-pubbliku, li dak in-negozju hu impenjat li jagħti aċċess ugwali biex nisa kapaċi javvanzaw sal-livell tal-bord.

Il-Marka ta’ Kwalità ta’ WDM hi miftuħa għal kull organizzazzjoni. Din tinkiseb fi tliet stadji, jiġifieri Entry, Development, u Full Status. Kull livell jeħtieġ ċertu kriterji, fosthom policy ċara tal-bord li tindika diversità, transparenza tal-proċess, promozzjonijiet miftuħa għal kulħadd, u proporzjon ta’ nisa fil-bord, fost oħrajn. Il-Marka ta’ Kwalità tibqa’ valida għal sentejn, meta mbagħad tkun trid terġa’ tiġġedded.

“Dak li qed nipproponu hu li f’Malta hawn bżonn li niffukaw fuq il-ħolqien ta’ kultura biex il-post tax-xogħol jkun ħieles minn kull bias, b’policies u proċessi li jiżguraw li n-nisa għandhom opportunitajiet ugwali biex ikunu fil-bord, bħal oħrajn. Fi kliem ieħor, 'a level playing field'. Dan hu dak li l-Women Directors Malta trid tfisser meta nsemmu ugwaljanza bejn il-ġeneri,” qalet il-President ta’ WDM Michelle Gialanze.

“Permezz taċ-Charter u l-Marka ta’ Kwalità, qed nipprovdu mezz lill-kumpaniji biex juru li huma wkoll jemmnu fid-diversità f’livell ta’ bord. HSBC hu l-ewwel organizzazzjoni li qed tadotta dan iċ-Charter u, b’riżultat t’hekk, qed jagħti eżempju biex kumpaniji oħra jagħmlu dan il-pass,” kompliet tgħid. 

Skont Gialanze, hemm evidenza dejjem tikber li turi li timijiet diversifikati jiksbu prestazzjoni ogħla u iktar konsistenti fuq perjodi itwal, filwaqt li organizzazzjonijiet li jippromwovu b’mod attiv lin-nisa f’pożizzjonijiet eżekuttivi, jiksbu bejn kwart u terz aktar mill-medja f’dak li hu qligħ tal-industrija rispettiva tagħhom. Eżempju, il-Harvard Business Review (June 2011) irrapporta dak li sejjaħ bħala “C” factor, li juri li gruppi li qed jaħdmu b’iktar nisa jirreġistraw intelliġenza kollettiva ikbar, u b’hekk kapaċita aħjar biex isolvu problema. Dan għaliex in-nisa jisimgħu iktar u jħeġġu aktar parteċipazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane qal: “Nemmen li d-diversita’ fil-ħsieb hi fundamentali biex jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għan-negozju. Il-mexxejja fis-settur korporattiv għandhom jkollhom il-kuraġġ li jagħmlu pass ’il quddiem u jbiddlu l-status quo għaliex hu ċar li kumpaniji b’diversità fil-ħsieb jgawdu minn prestazzjoni aħjar. Fid-dinja tal-lum, l-inugwaljanza skont il-ġeneru mhijiex aċċettabbli.”

Qal ukoll: “Il-bidla tibda mill-kliem imma, fl-aħħar mill-aħħar, trid tgħaddi għall-azzjoni. Fl-HSBC diġa’ għandna ħames nisa diretturi fi tliet kumpaniji tagħna u tliet kollegi nisa fil-kumitat eżekuttiv. Minkejja li dawn in-nisa kapaċi laħqu l-ogħla livelli fl-HSBC, xorta għad fadal x’isir biex niżguraw li jkollna futur b’saħħtu bħala kumpanija li tirrispetta d-diversità.

Bħala eżempji, l-iskema ‘flexible working’ issa qed tkun offruta lill-kollegi kollha tagħna – lil hinn jekk humiex nisa jew irġiel – li qed jirritornaw miċ-childcare leave b’għażla ta’ ‘opt out’ minflok fuq bażi ta’ ‘opt in’. Biddilna wkoll il-proċess tal-għażla u dak tal-iżvilupp ta’ talenti biex dawn jibqgħu fuq bażi ta’ meritokrazija u fl-istess waqt innaqqsu r-riskju ta’ gender bias fit-twettiq ta’ dawn il-proċessi.”

L-għażla tal-post fejn tnieda ċ-Charter u l-Marka ta’ Kwalità , il-Casino Maltese, kellha tifsira simbolika li kienet apprezzata mill-mistiednin distinti. Dan għaliex meta dan il-klabb ikoniku nfetaħ fl-1852 ma kienx jippermetti aċċess lin-nisa. Dan kollu nbidel fl-1941, meta fl-aħħar in-nisa ngħataw permess li jidħlu, u fil-fatt anki ddedika kamra apposta għan-nisa.

“Meta l-Casino Maltese nfetaħ għall-ewwel darba 164 sena ilu, ma kienx permess li jidħlu fih in-nisa għax kien meqjus bħala post għall-irġiel biss. Minn dakinhar l-affarijiet inbidlu u, il-fatt li niedejna ċ-Charter ta’ Women Directors Malta hawnhekk, juri li anki f’Malta bit-tradizzjonijiet kollha tagħha, l-affarijiet jistgħu jinbidlu,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol Evarist Bartolo. “Nixtieq li din l-inizjattiva tas-settur privat tgħaddi wkoll għas-settur pubbliku. Bħala ministru tal-edukazzjoni u xogħol, qed nimpenja ruħi għal dan il-għan,” hu żied jgħid.

Kelliema oħra waqt l-attività kienu Anton Borg, President tal-Karma tal-Kummerċ, l-Intrapriza u l-Industrija Maltija; u Grace Camilleri, Direttriċi Eżekuttiva ma’ EY Malta; li flimkien ma’ Andrew Beane u Michelle Gialanze ħadu sehem f’diskussjoni miftuħa.

“Min-naħa rridu nkunu kburin bil-pass mgħaġġel li dal-pajjiż qed jimxi u s-suċċess li qed jikseb fil-qasam tax-xogħol, u bis-sistema ta’ childcare, imma fl-istess waqt wieħed irid iqis ukoll li fil-qasam intraprenditorjali, il-faċilità li wieħed jagħmel negozju, u s-sehem tan-nisa fir-rwol ta’ tmexxija għadna lura,” qal Anton Borg, qabel ma stieden biex iktar nisa jersqu 'il quddiem biex isiru membri tal-kunsill tal-Kamra ta’ Kummerċ, l-Intrapriza u l-Industrija Maltija fl-elezzjonijiet li jmiss.

Mistiedna distinti oħra għall-attività inkludew lil Paul Bugeja, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu; u G. Kathleen Hill, l-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta.

More in Kummer?jali