Bank of Valletta jiċċelebra t-tielet sena ta’ BOV Mobile

BOV qed jiċċelebra t-tielet anniversarju minn meta introduċa f’Malta l-ewwel applikazzjoni ta’ bbankjar permezz tal-mowbajl. BOV Mobile kienet l-ewwel app li introduċiet l-ibbankjar fuq il-mowbajl u l-ħlas permezz tal-mowbajl fl-2012. Din l-app toffri lill-klijenti informazzjoni dak il-ħin stess fuq il-kontijiet tagħhom filwaqt li tippermettilhom jagħmlu tranżazzjonijiet bankarji u ħlasijiet b’mod sigur u mingħajr l-ebda problema mill-mowbajl tagħhom.

“Is-suċċess ta’ BOV Mobile jikkonferma li llum il-ġurnata l-mowbajl sar il-mezz ta’ informazzjoni ewlieni għal numru dejjem jikber ta’ klijenti,” qal Michael Galea, Chief Electronic Banking Officer tal-Bank of Valletta. Huwa kompla jsostni li “Aħna kuntenti bir-rispons pożittiv tal-klijenti tagħna u għaldaqstant qed inkomplu niżviluppaw u nimplimentaw is-sistema distinta tagħna mmirata b’mod speċifiku għall-klijent.”

Is-Sur Galea ħabbar li sal-lum saru aktar minn 3.3 miljuni ta’ logins permezz ta’ BOV Mobile minn klijenti reġistrati. Dan kollu jsaħħaħ il-valur li dan il-mezz ta’ komunikazzjoni qed joffri lill-klijenti tagħna. “Huwa pożittiv li tara li fi żmien daqstant qasir, il-BOV Mobile app ingħatat numru ta’ unuri, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali, inkluż l-unur daqstant prestiġjuż għall-innovazzjoni fis-servizzi finanzjarji fil-proposti għall-klijenti u d-disinn tal-prodott,” qal is-Sur Galea.

“Bħala Bank of Valletta, aħna naħdmu bi sħiħ sabiex nużaw it-teknoloġija biex nipprovdu soluzzjonijiet innovattivi għall-klijenti tagħna. L-ibbankjar permezz tal-mowbajl jagħtina aktar flessibilità fl-assistenza li nistgħu nipprovdu lill-klijenti, b’mod speċjali fid-dinja tal-lum, billi nagħmlu l-ibbankjar tant faċli qisek qed tibgħat SMS,” temm Michael Galea. 

Il-BOV Mobile app tista’ titniżżel b’xejn mill-Apple App Store u minn Google Play. Għal aktar dettalji u għajnuna kif tirreġistra għal dan is-servizz, tista’ ċċempel lill-BOV Customer Service Centre fuq 2131 2020.

More in Kummer?jali