Il-Kummissarju tal-Pulizija jitlob investigazzjoni indipendenti dwar il-każ tal-mili tal-karozzi

​Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà talab li bord indipendenti jinvestiga l-allegazzjonijiet li saru minn eks Spettur tal-Pulizija dwar irregolaritajiet marbuta mal-każ tal-allegat tbagħbis fil-kilometraġġ ta’ karozzi importati mill-Ġappun.

Dan ħabbru l-Erbgħa l-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield, li qal li l-Kummissarju talab li jiġi investigat jekk kienx hemm irregolaritajiet li ma ġewx investigati.

It-Tlieta, l-eks Spettur Jeffrey Scicluna Briffa kien qed jixhed fil-proċeduri kriminali kontra Alexander Spiteri, sid Alexander Auto Sales, u Roderick u Alison Vella, li jmexxu Rokku Auto Dealer, b’rabta mal-allegat tbagħbis fil-kilometraġġ ta’ vetturi importati mill-Ġappun.

Fix-xhieda tiegħu, Scicluna Briffa qal li ftit wara li f’Ottubru tal-2020 ħa t-tmexxija tat-Taqsima tal-Pulizija responsabbli mill-vetturi misruqa, diversi uffiċjali ġibdulu l-attenzjoni dwar nuqqasijiet fil-proċess tal-ispezzjonijiet.

Fost dawn kien hemm każijiet fejn it-timbru ta’ Transport Malta li jawtorizza r-rilaxx tal-vetturi kien diġà ġie ffirmat qabel ma ddaħħlet l-informazzjoni meħtieġa dwarhom.

L-eks Spettur irrimarka wkoll li kien hemm sovrappożizzjoni fir-responsabbiltajiet tal-Pulizija, id-Dwana u Transport Malta fil-verifika tal-kilometraġġ u ta’ dettalji oħra tal-vetturi importati.

Il-każ kien ġie żvelat minn MaltaToday fl-2022, meta rrappurtat kif mijiet ta’ persuni allegatament ġew imqarrqa permezz ta’ tbagħbis fil-kilometraġġ ta’ karozzi użati importati mill-Ġappun.

More in Kronaka