Il-Pulizija ilha ħames snin tistenna r-riżultat ta’ analiżi fuq mobile phone marbut mal-investigazzjoni dwar tnixxijiet ta’ informazzjoni kunfidenzjali fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan żvelah il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà waqt intervista ma’ Andrew Azzopardi fuq Campus FM, fejn attribwixxa d-dewmien għal espert maħtur mill-Qorti li għadu ma kkonkludiex ix-xogħol mitlub minnu.
Skont Gafà, il-mobile ta’ persuna suspettata ġie sekwestrat fl-2021, iżda l-Pulizija għadha qed tistenna l-informazzjoni li għandha toħroġ mill-eżami tad-data maħżuna fih.
Il-Kummissarju ma identifikax lill-espert involut.
Gafà jiddefendi l-ħidma tal-Pulizija
L-investigazzjoni tirrigwarda allegazzjonijiet li informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Caruana Galizia fl-2017 għaddiet għand persuni li ma kellhomx ikollhom aċċess għaliha.
Fost dawk li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ suspett ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali hemm in-negozjant Yorgen Fenech u l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
It-tnejn kienu ammettew taħt ġurament li rċevew u għaddew informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni tal-qtil.
Waqt l-intervista, Gafà wera d-diżappunt tiegħu għall-kritika indirizzata lejn il-Korp tal-Pulizija minħabba d-dewmien f’din l-investigazzjoni.
Huwa insista li l-Pulizija tieħu l-allegazzjonijiet bis-serjetà u tkompli bil-ħidma investigattiva tagħha minkejja l-kritika pubblika.
Il-Kummissarju qal ukoll li, minn meta ilu jmexxi l-Korp, ma nbdiet ebda inkjesta dwar allegat nuqqas tal-Pulizija li tinvestiga rapporti jew allegazzjonijiet.
L-investigazzjoni dwar il-qtil għadha miftuħa
Gafà kkonferma wkoll li l-investigazzjonijiet marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom għaddejjin.
F’dan il-kuntest, irrefera għal dak li ntqal mill-prosekuzzjoni waqt il-ġuri ta’ Yorgen Fenech aktar kmieni din is-sena, meta l-ġurati kienu ġew infurmati li l-investigazzjoni dwar il-qtil kienet għadha ma ngħalqitx.
Jipproponi bidliet fis-sistema tal-ġurijiet
F’parti oħra tal-intervista, il-Kummissarju tkellem dwar il-ħtieġa li tiġi eżaminata mill-ġdid is-sistema tal-ġurijiet f’Malta.
Huwa qajjem dubji dwar kemm persuni mingħajr taħriġ legali jistgħu jkunu mistennija jifhmu u japplikaw kunċetti ġuridiċi kumplessi, fosthom dak tal-kompliċità.
Gafà semma bħala proposta possibbli li l-ġurati jkunu obbligati jagħtu r-raġunijiet wara l-verdett tagħhom.
Din il-possibbiltà kienet tqajmet ukoll mill-Ministru għall-Ġustizzja wara li matul l-2026 kien hemm it-tieni liberazzjoni minn akkużi ta’ qtil f’każ li ġibed attenzjoni pubblika kbira.
Il-Kummissarju sostna li diskussjoni dwar ir-riforma tas-sistema tal-ġurijiet tista’ tgħin biex jiġu indirizzati mistoqsijiet dwar il-mod kif jintlaħqu d-deċiżjonijiet f’kawżi kriminali kumplessi