56 għaqda u aktar minn 3,300 persuna jitolbu t-tneħħija tal-Ministru tal-Kultura
Il-MEIA tressaq ittra formali lill-Prim Ministru Robert Abela u tisħaq li l-fiduċja f’Malcolm Paul Agius Galea ntilef b’mod li ma jistax jibqa’ jiġi injorat
minn Jaelle Borg
Il-Prim Ministru Robert Abela ntalab formalment ineħħi lil Malcolm Paul Agius Galea mill-kariga ta’ Ministru tal-Kultura, wara li 56 organizzazzjoni u 3,327 persuna mis-settur kulturali u kreattiv appoġġjaw sejħa għar-riżenja tiegħu jew biex jingħata portafoll ministerjali differenti.
It-talba tressqet mill-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA), li qalet li l-appoġġ li nġabar fi żmien qasir juri kemm hija profonda l-frustrazzjoni fost l-artisti u l-professjonisti tas-settur.
Skont l-assoċjazzjoni, il-kontroversja dwar il-kummenti tal-Ministru ma tistax tibqa’ titqies bħala sempliċi nuqqas ta’ qbil bejn Agius Galea u numru żgħir ta’ artisti.
Il-MEIA sostniet li r-rispons għall-ittra miftuħa juri telf ta’ fiduċja bla preċedent fit-tmexxija politika tas-settur kulturali.
“Il-Ministru ma tax apoloġija ċara għall-kontenut ta’ kliemu”
L-assoċjazzjoni rreferiet għar-reazzjoni ta’ Agius Galea għall-kritika, li fiha ammetta li l-kummenti tiegħu setgħu nstemgħu insensittivi, li weġġgħu lil xi persuni u li seta’ esprima ruħu aħjar.
Madankollu, il-MEIA qalet li din ir-risposta ma kinitx apoloġija ċara u bla kundizzjonijiet għall-kontenut tal-kummenti tiegħu.
Minflok, sostniet li l-Ministru pprova jiġġustifika kliemu billi qal li l-intenzjoni tiegħu kienet li jisfida lill-parteċipanti u jqanqal diskussjoni.
Skont l-assoċjazzjoni, il-problema mhijiex biss il-mod kif il-Ministru esprima ruħu, iżda dak li l-kummenti tiegħu juru dwar kif iħares lejn l-artisti u s-settur li għandu r-responsabbiltà li jmexxi.
Il-MEIA semmiet fost oħrajn il-kummenti tiegħu dwar il-finanzjament pubbliku tal-kultura, il-kreattività bħala xi ħaġa li tista’ tkun preżuntuża jew perikoluża, u d-dikjarazzjoni li xi artisti jqisu lilhom infushom bħala “rigal ta’ Alla lid-dinja”.
L-assoċjazzjoni kkritikat ukoll il-pożizzjoni tiegħu li l-espressjoni kreattiva għandha tibqa’ fi ħdan ċerti normi.
Hija argumentat li dawn il-fehmiet ma jirriflettux il-fehim u t-tmexxija li s-settur jistenna mill-Ministru responsabbli mill-arti u l-kultura.
“Issa r-responsabbiltà tinsab f’idejn il-Prim Ministru”
Bil-preżentazzjoni formali tal-ittra, il-MEIA qalet li issa hija r-responsabbiltà ta’ Robert Abela li jindirizza s-sitwazzjoni.
L-assoċjazzjoni fakkret li l-Prim Ministru nnifsu kien irrikonoxxa pubblikament li l-kummenti ta’ Agius Galea kienu insensittivi u li l-persuni involuti fis-settur kulturali kellhom raġun iħossuhom diżappuntati.
Madankollu, sostniet li l-Gvern ma jistax sempliċement jirrikonoxxi li sar dannu lir-relazzjoni mas-settur u jistenna li l-kwistjoni tieqaf hemm.
Il-MEIA qalet li meta 56 organizzazzjoni u 3,327 individwu jesprimu formalment it-telf ta’ fiduċja tagħhom, il-messaġġ għandu jingħata risposta konkreta.
Hija enfasizzat li l-kariga pubblika ġġib magħha responsabbiltà u obbligu ta’ rendikont, partikolarment meta parti sinifikanti mill-komunità li ministru jirrappreżenta tiddikjara li m’għadhiex tafdah.
Il-MEIA tgħid li l-fiduċja ma tistax terġa’ tinbena taħt l-istess tmexxija
L-assoċjazzjoni sostniet li l-kwistjoni mhijiex jekk kull kritika li saret fil-konfront tal-Ministru kinitx ġustifikata, iżda jekk jistax ikompli jmexxi s-settur b’mod effettiv meta r-relazzjoni ta’ fiduċja ma’ parti sostanzjali minnu ġarrbet daqqa daqshekk kbira.
Skont il-MEIA, dik il-fiduċja ma tistax terġa’ tinbena b’mod kredibbli sakemm Agius Galea jibqa’ responsabbli mill-istess portafoll.
Għalhekk, l-assoċjazzjoni tenniet it-talba biex il-Ministru jirriżenja jew jingħata responsabbiltajiet oħra li ma jinkludux l-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali.
Il-MEIA għamlitha ċara li din is-sejħa mhijiex diretta kontra l-Gvern u lanqas għandha l-għan li tnaqqas mill-progress li sar fis-settur kulturali f’dawn l-aħħar snin.
Hija rrikonoxxiet li dan il-progress kien possibbli permezz ta’ ħidma konġunta bejn l-artisti, l-organizzazzjonijiet, il-Gvern u entitajiet oħra.
Madankollu, sostniet li issa hemm bżonn azzjoni biex dak li nkiseb ma jintilifx.
Lesta tkompli taħdem mal-Gvern, iżda titlob bidla fit-tmexxija
Il-MEIA qalet li tibqa’ lesta taħdem b’mod kostruttiv mal-Gvern fuq ir-riformi, l-investiment u l-istrutturi meħtieġa biex is-settur kulturali u kreattiv ikompli jiżviluppa.
Fl-istess waqt, enfasizzat li kooperazzjoni effettiva teħtieġ rispett reċiproku, djalogu miftuħ u tmexxija li tgawdi l-fiduċja tal-komunità.
L-assoċjazzjoni temmet billi appellat lil Robert Abela biex jisma’ l-vuċi kollettiva espressa permezz tal-ittra u jieħu l-passi meħtieġa biex terġa’ tinbena l-fiduċja fir-rappreżentanza politika tas-settur kulturali Malti.
