1,864 post vakanti fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2027-2028

L-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju jiftħu fit-12 ta’ Novembru, filwaqt li dawk għall-applikanti l-oħra jibdew jintlaqgħu fit-28 ta’ Jannar. Is-sena li għaddiet, l-iskejjel tal-Knisja f’Malta rċevew aktar minn 4,000 applikazzjoni għal 1,683 post

B’kollox se jkun hemm 1,864 post vakanti fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex għas-sena skolastika 2027-2028, skont ir-regolamenti tad-dħul ippubblikati mill-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Minn dawn, 1,624 post jinsabu fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta, filwaqt li 240 post ieħor huma disponibbli f’Għawdex.

L-applikazzjonijiet kollha se jsiru online, bl-ewwel fażi tibda nhar il-Ħamis 12 ta’ Novembru 2026.

Ir-regolamenti, flimkien mal-lista tad-dokumenti meħtieġa u d-dettalji tal-proċess, jinsabu fuq il-website tal-Arċidjoċesi, knisja.mt.

Meta jistgħu japplikaw il-ġenituri?

L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu f’fażijiet differenti, skont il-kriterji li taħthom ikunu eliġibbli t-tfal.

Kategorija Dati tal-applikazzjoni
L-ewwel kriterju 12-19 Novembru 2026 
Appikazzjonijiet tard tal-ewwel kriterju 26 ta' Novembru - 3 ta' Diċembru 2026
Applikanti oħra  28 ta' Jannar - 4 ta' Frar 2027
Applikazzjonijiet tard tal-appikanti l-oħra 11 - 18 ta' Frar

 

Il-ġenituri huma mħeġġa jiċċekkjaw ir-regolamenti biex ikunu jafu taħt liema kriterju għandhom japplikaw u liema dokumenti jridu jippreżentaw.

1,624 post vakanti f’Malta – l-aktar fl-ewwel sena tal-primarja

F’Malta, il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja jkopri l-ewwel u t-tieni sena tal-kindergarten, l-ewwel sena tal-primarja u l-ewwel sena tas-sekondarja.

L-akbar għadd ta’ postijiet vakanti huwa fl-ewwel sena tal-primarja, b’662 post, segwiti minn 449 post fit-tieni sena tal-kindergarten.

It-tabella turi kif huma mqassma l-postijiet disponibbli għas-sena skolastika 2027-2028.

Livell edukattiv Subien  Bniet  Total
L-ewwel sena kindergarten 95 96  191
It-tieni sena kindergarten 87 362 449
L-ewwel sena primarja 311 351 662
L-ewwel sena sekoondarja  238 84 322
Total 731 893 1624

Dawn iċ-ċifri jinkludu kemm postijiet għall-istudenti mainstream kif ukoll postijiet għal tfal li jaqgħu taħt il-kriterju tal-każijiet serji.

Min jista’ japplika taħt l-Ewwel Kriterju?

F’Malta, l-applikazzjonijiet taħt l-Ewwel Kriterju jinkludu tfal li jgħixu fi djar tal-Knisja, ulied impjegati tal-iskejjel tal-Knisja u tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, kif ukoll aħwa ta’ studenti li jistgħu jinkitbu fl-istess skola ta’ ħuthom.

Jinkludu wkoll tfal li diġà jattendu skejjel tal-Knisja iżda li m’għandhomx kontinwità awtomatika għall-istadju edukattiv li jmiss.

Se jiġu allokati wkoll postijiet għal tfal li jaqgħu taħt il-kriterju tal-każijiet serji, li għalihom japplikaw regolamenti speċifiċi.

Dawn jinkludu tfal li għandhom jew se jkollhom bżonn l-għajnuna ta’ Learning Support Educator (LSE), każijiet soċjali u tfal li qed ifittxu ażil.

Il-proċess għal dawn il-każijiet isir b’mod parallel mal-applikazzjonijiet l-oħra.

240 post vakanti fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex

F’Għawdex, il-proċess tad-dħul ikopri l-ewwel sena tal-kindergarten u l-ewwel sena tas-sekondarja.

B’kollox hemm 240 post disponibbli, maqsuma kif ġej:

Livell edukattiv Postijiet vakanti
L-ewwel sena kindergarten 96
L-ewwel sena sekondarja 144
Total 240

Mill-144 post fl-ewwel sena tas-sekondarja, 72 huma għas-subien u 72 għall-bniet.

L-Ewwel Kriterju f’Għawdex jinkludi tfal li jinsabu fis-sitt sena primarja fi skejjel tal-Knisja f’Għawdex, ulied impjegati tal-iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex u tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, kif ukoll aħwa li jistgħu jinkitbu fl-istess skola.

Jinkludi wkoll każijiet soċjali, tfal li qed ifittxu ażil u applikanti mill-Għasri.

Dawn l-applikazzjonijiet jistgħu jsiru kemm għal tfal mainstream kif ukoll għal dawk li jeħtieġu l-għajnuna ta’ LSE.

Aktar minn 4,000 applikazzjoni f’Malta s-sena li għaddiet

Id-domanda għall-postijiet fl-iskejjel tal-Knisja kienet għolja wkoll matul il-proċess tad-dħul għas-sena skolastika 2026-2027.

Skont is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, f’Malta kienu waslu 4,009 applikazzjonijiet għal 1,683 post disponibbli f’livelli edukattivi u skejjel differenti.

F’Għawdex, ġew irreġistrati 284 applikazzjoni għal 240 post vakanti.

Kemm il-proċess tal-polza kif ukoll ir-reġistrazzjoni fl-iskejjel kienu saru online.

Għas-sena skolastika 2027-2028, in-numru totali ta’ postijiet vakanti naqas minn 1,923 għal 1,864, jiġifieri 59 post inqas mis-sena ta’ qabel.

Il-ġenituri li jixtiequ japplikaw jistgħu jikkonsultaw ir-regolamenti sħaħ fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

More in Kronaka