Nathaniel Attard qal li se jegħleb il-perjodu diffiċli li għaddej minnu bħalissa, hekk kif tkellem pubblikament għall-ewwel darba wara li tneħħa mill-kariga ta’ direttur tal-komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija fuq Facebook, Attard qal li matul ħajtu għadda minn diversi intoppi, fosthom problemi ta’ saħħa fl-aħħar xhur, mumenti fejn ħass li l-isforzi tiegħu ma ġewx apprezzati u okkażjonijiet fejn seta’ żbalja u ħallas prezz għoli għal dan.
Huwa qal li sab ruħu fiċ-ċentru ta’ ħafna diskussjoni u appella biex in-nies ma jemmnux dak kollu li jingħad fuqu, speċjalment minn persuni li ma jafux sew is-sitwazzjoni jew li, skontu, m’għandhomx l-aħjar interess tiegħu għal qalbhom.
“Li hu żgur, u li nista’ naħlef fuqu, hu li tajt dak kollu li stajt, tajt ħajti u saħħti għall-ideali li dejjem emmint fihom,” qal Attard.
Huwa żied li għal aktar minn 30 sena serva b’lealtà f’kull responsabbiltà li ngħatatlu, u qal li għandu l-ħsieb li jibqa’ jagħmel hekk.
Attard qal ukoll li dawk li ħadmu miegħu jistgħu jixhdu għal-lealtà tiegħu, għalkemm żied kumment b’ton partikolari: “Jew kważi kulħadd.”
Fl-istess messaġġ, huwa talab l-appoġġ ta’ Alla, ta’ ommu li m’għadhiex ħajja u tal-familja tiegħu hekk kif jgħaddi minn dak li ddeskriva bħala mument diffiċli.
Attard qal li jemmen li, bħalma għaddew diffikultajiet oħra fil-passat, anke din il-fażi se tgħaddi.
Huwa temm billi appella biex kulħadd jitħalla jesprimi l-opinjoni tiegħu, iżda wissa kontra ġudizzji mgħaġġla fil-konfront ta’ persuni oħra.
“Il-mument tal-verità jasal ukoll,” qal Attard.
Il-kummenti tiegħu jaslu wara li l-PN neħħieh mill-kariga ta’ direttur tal-komunikazzjoni. Attard kien ikkonferma li m’għadux jokkupa r-rwol iżda ma kienx ta aktar dettalji dwar ir-raġunijiet għad-deċiżjoni.