Id-deputat tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri qed jipproponi li ħaddiema li jiġu Malta minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea jkunu obbligati jkollhom assigurazzjoni medika privata, bħala mod kif titnaqqas il-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa pubblika.
Waqt intervista fuq il-programm tar-radju ta’ Andrew Azzopardi, Spiteri qal li miżura bħal din ma tkunx diskriminatorja, u sostna li tista’ tnaqqas l-għadd ta’ pazjenti li jmorru fiċ-ċentri tas-saħħa u fid-Dipartiment tal-Emerġenza għal kundizzjonijiet li jistgħu jiġu trattati privatament.
Skont il-proposta tiegħu, ħaddiema minn barra l-UE jkollhom insurance li tkopri kura primarja u kundizzjonijiet minuri minn providers privati.
Każijiet serji, bħal attakki tal-qalb jew ġrieħi li jeħtieġu intervent kirurġiku, jibqgħu jiġu trattati fl-Isptar Mater Dei, qal Spiteri, filwaqt li saħaq li kulħadd għandu jkollu aċċess għal kura adegwata.
Huwa qal ukoll li min iħaddem u recruitment agencies jistgħu jgħinu lill-ħaddiema jħallsu għall-assigurazzjoni, fosthom permezz ta’ żieda fil-paga.
Spiteri semma każ ta’ employer li, skontu, kien lest iżid il-ħlas b’50 ċenteżmu fis-siegħa biex jgħin ikopri din l-ispiża.
Huwa argumenta li ż-żieda fil-popolazzjoni poġġiet pressjoni qawwija fuq is-servizzi tas-saħħa, bl-istess mod kif żdiedet id-domanda fuq it-trasport u l-enerġija.
Spiteri qal li tkellem ma’ sptarijiet privati u kumpaniji tal-assigurazzjoni dwar arranġamenti possibbli, u sostna li l-private sector jista’ jieħu aktar xogħol taħt ftehimiet fit-tul u ppjanati.
Meta ġie mistoqsi jekk ħaddiema bi dħul baxx jistgħux jaffordjaw insurance privata, Spiteri qal li min ikun qed jikkunsidra li jiġi jaħdem Malta jkollu jqis din l-ispiża minn qabel.
Huwa żied li assessments li jsiru qabel ma tinħareġ l-assigurazzjoni jistgħu wkoll jidentifikaw kundizzjonijiet mediċi eżistenti.
Spiteri ma qabilx, iżda, mal-idea li persuni b’ċertu livell ta’ dħul għandhom jibdew iħallsu għas-servizz pubbliku tas-saħħa.
Minflok, huwa qal li hemm bżonn kundizzjonijiet aħjar biex jinżammu speċjalisti fis-servizz pubbliku u aktar spazju fejn ikunu jistgħu jaraw il-pazjenti.
Semma każ ta’ pazjent li, skontu, ingħata l-ewwel appuntament ortopediku wara sena u erba’ xhur stennija.
Jipproponi sistema ġdida fl-Emerġenza
Spiteri ppropona wkoll bidla fil-mod kif jiġu indirizzati l-pazjenti li jaslu fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Skont il-proposta tiegħu, tabib jevalwa lill-pazjent mal-wasla u każijiet inqas serji jiġu diretti lejn immediate care unit immexxija minn żewġ tobba b’esperjenza fil-kura primarja.
Huwa qal li madwar 60% tal-pazjenti li jmorru l-Emerġenza jistgħu, fil-fehma tiegħu, jiġu trattati fil-livell tal-primary care.
Sistema bħal din, qal, tista’ tnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija u tevita testijiet li ma jkunux meħtieġa.
Madankollu, Spiteri qal li dan jirrikjedi aktar investiment fil-ħaddiema u fil-faċilitajiet.
Huwa sostna li workloads kbar u sigħat twal qed iwasslu biex professjonisti tas-saħħa jitilqu lejn is-settur privat jew jagħżlu karrieri oħra.
Jitlob l-għeluq ta’ Mount Carmel
Spiteri appella wkoll biex jingħalaq l-Isptar Mount Carmel u s-servizzi tas-saħħa mentali jitqiegħdu qrib l-isptar ewlieni.
Huwa qal li pazjenti psikjatriċi akuti qed jiġu trattati f’wards mediċi ġenerali fejn l-infermiera mhux dejjem ikollhom taħriġ speċjalizzat fil-psikjatrija.
Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tas-saħħa għax-xogħol tagħhom, Spiteri qal li titjib fis-servizz jeħtieġ aktar minn sempliċi rikonoxximent tal-isforzi tagħhom.
Skontu, is-sistema pubblika teħtieġ biżżejjed staff, spazju u riżorsi biex il-pazjenti jiġu trattati fil-ħin.