GozoStays ċaħdet b’mod kategoriku li l-proprjetà tagħha Rummiena fix-Xewkija kienet il-farmhouse marbuta mal-każ li fl-aħħar jiem qanqal ħafna diskussjoni dwar allegati avvenimenti inspjegabbli f’residenza fil-lokalità.
Fi stqarrija ppubblikata fuq Facebook, il-kumpanija qalet li kienu qed jiċċirkolaw xnigħat li rabtu lil Rummiena mal-każ, iżda sostniet li dawn huma “kompletament foloz”.
Skont GozoStays, il-proprjetà kienet vojta fid-dati li fihom allegatament seħħ l-inċident.
“Fid-dati inkwistjoni, Rummiena kienet kompletament vojta. Ma kien hemm l-ebda mistieden check-in u ebda inċident bħal dan ma seħħ fil-proprjetà tagħna,” qalet il-kumpanija.
Il-kjarifika tasal wara li rapport oriġinali qal li l-Pulizija kienu msejħa f’residenza fix-Xewkija fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Settembru, wara telefonata għall-għajnuna minn grupp ta’ Maltin li kienu qed joqogħdu hemm għal vaganza. Kelliem għall-Pulizija kkonferma li kien sar rapport dwar il-każ.
Skont dak ir-rapport, meta l-Pulizija waslu fuq il-post sabu erba’ adulti u minuri barra mir-residenza. Il-grupp allega li kien esperjenza sensiela ta’ avvenimenti li ma setax jispjega, fosthom ħsejjes, moviment ta’ oġġetti u allegatament anke inċident fejn wieħed mill-persuni qal li ġie maqbud minn wara u mitfugħ fuq sodda. Dawn l-allegazzjonijiet ma ġewx ivverifikati b’mod indipendenti.
Aktar tard, saċerdot qal lil talk.mt li l-Pulizija marru għalih billejl biex jakkumpanjah lejn ir-residenza, iżda ma tax dettalji dwar dak li sab hemmhekk, u qal li l-familja involuta kienet għaddejja minn trawma.
Separatament, kelliem għad-Djoċesi ta’ Għawdex qal lil din il-gazzetta li fl-ebda stadju ma sar kuntatt uffiċjali mill-persuni konċernati la mal-Kurja tal-Isqof u lanqas mal-Parroċċa tax-Xewkija. Huwa żied li jekk sar xi kuntatt ma’ eżorċista, dan ma jfissirx li kien hemm kuntatt uffiċjali mal-Kurja.
Fl-istqarrija tagħha, GozoStays qalet li x-xnigħat li qed jorbtu lil Rummiena mal-każ qed jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni u lin-negozju tagħha.
Il-kumpanija wissiet li mhix se tittollera t-tixrid ta’ informazzjoni li tqis falza u qalet li kull min ikompli jxerred dawn l-allegazzjonijiet jista’ jaffaċċja passi legali.
“Qed nieħdu din il-kwistjoni bis-serjetà ħafna,” qalet GozoStays, filwaqt li żiedet li hija kburija li toffri akkomodazzjoni ta’ kwalità u ambjent kwiet lill-klijenti tagħha.
Il-kumpanija rringrazzjat ukoll lill-klijenti u lill-komunità għall-fiduċja u l-appoġġ tagħhom