Il-gvern jinsisti li jrid jattira turiżmu ta’ kwalita’. Iżda dak li ddefinixxa s-sajf kienu l-parties, festivals internazzjonali, boat parties, ilmenti dwar storbju, skart u mġieba ħażina flimkien ma’ xeni ta’ kaos.
Saru diversi rapporti lill-pulizija dwar storbju f’Ta’ Qali. F’Settembru biss, Ta’ Qali ospita jew kien marbut ma’ diversi festivals internazzjonali, fosthom Breaking Borders, WAH Malta, Freedom Street, FUSE Malta u Forward Motion. Ħafna minn dawk li lmentaw qalu li ngħataw l-impressjoni li ma setax jittieħed intervent minħabba li l-avvenimenti kellhom permess mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
F’nofs Settembru, filmati mxerrda fuq il-midja soċjali wrew xeni ta’ diżordni marbuta ma’ nies li kienu qed jattendu l-Freedom Street Europe Festival u li qabżu l-barriers biex jidħlu fis-sit.
Din il-gazzetta saqsiet lill-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela x’tip ta’ turist Malta trid tattira fis-snin li ġejjin, jekk il-Gvern iridx li l-pajjiż ikun magħruf internazzjonalment bħala destinazzjoni għall-parties u l-festivals, u kif qed jiddefinixxi konkretament it-terminu “turist ta’ valur ogħla”.
Bqajna mingħajr risposta.
Fl-2025 Malta qabżet għall-ewwel darba l-erba’ miljun turist, b’4.02 miljun wasla u nefqa turistika totali ta’ madwar €3.9 biljun. In-nefqa medja għal kull turist kienet ta’ €971.
Il-Gvern stess qal li jrid jiffoka inqas fuq in-numru assolut ta’ wasliet u aktar fuq kemm jonfqu l-viżitaturi, kemm idumu Malta u fuq turiżmu matul is-sena kollha. Aktar kmieni din is-sena, il-Gvern qal li l-għan tiegħu huwa li jattira aktar viżitaturi li jonfqu aktar u li jsaħħaħ it-turiżmu fix-xhur barra l-istaġun tas-sajf.
Il-kwistjoni mhijiex jekk Malta għandhiex ikollha nightlife jew festivals.
Il-nightlife ilu parti mill-prodott turistiku Malti, u avvenimenti internazzjonali jistgħu jġibu eluf ta’ viżitaturi, joħolqu xogħol u jiġġeneraw attività ekonomika.
Il-mistoqsija hija kemm il-Gvern irid li dan il-mudell jiddefinixxi lil Malta bħala destinazzjoni, u jekk hemmx strateġija ċara dwar il-bilanċ bejn dan it-tip ta’ turiżmu u setturi oħra bħat-turiżmu kulturali, sportiv, tan-negozju u dak marbut mal-istorja u l-wirt tal-gżejjer.
Lil Abela staqsejnih ukoll jekk, fid-dawl tal-ilmenti mir-residenti u l-inċidenti ta’ dan is-sajf, il-Gvern hux se jirrevedi l-mod kif festivals internazzjonali kbar jiġu approvati, liċenzjati jew appoġġjati qabel is-sajf li ġej.
Għalissa, tibqa’ nieqsa tweġiba politika ċara għal mistoqsija li tolqot mhux biss l-industrija turistika iżda wkoll lil dawk li jgħixu fil-lokalitajiet fejn dan il-prodott qed jiġi ospitat.
Meta Malta tippromovi lilha nnifisha barra minn xtutha, għal xiex trid tkun magħrufa — u lil min eżatt qed tipprova tattira?
Jekk il-mira hi tassew turist ta’ valur ogħla, il-Gvern għad irid jispjega mhux biss kemm dan it-turist jonfoq, iżda x’impatt iħalli warajh.