Lydia Abela, mart il-Prim Ministru Robert Abela, ospitat laqgħa fil-kwartieri tan-Nazzjonijiet Magħquda flimkien ma’ Olena Zelenska, mart il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy.
Il-laqgħa saret fil-ġenb tal-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda u kellha bħala tema “The World in 2026: Finding Stability in Times of Uncertainty”.
Fl-attività ħadu sehem nisa u rġiel miżżewġin lil Prim Ministri minn reġjuni u sfondi kulturali differenti, fejn qasmu l-esperjenzi ta’ pajjiżhom dwar kif qed jaffaċċjaw sfidi globali u perjodi ta’ inċertezza.
Waqt l-indirizz tagħha, Abela esprimiet solidarjetà mal-poplu Ukren u qalet li, minkejja d-diffikultajiet, tibqa’ ottimista dwar il-futur.
Hija qalet li l-approċċ ta’ Malta għar-reżiljenza huwa msejjes fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità umana, l-ugwaljanza u l-inklużjoni.
Abela saħqet ukoll fuq l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali, u qalet li l-pajjiżi ma jistgħux jindirizzaw l-isfidi waħedhom.
Hija faħħret ir-rwol tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi.
Fl-istess waqt, appellat għal aktar investiment fl-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll għal parteċipazzjoni akbar tan-nisa, iż-żgħażagħ u gruppi vulnerabbli.
Abela temmet billi appellat għal aktar għaqda u azzjoni kollettiva, bil-għan li jinbnew soċjetajiet fejn in-nies ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-inċertezza b’aktar fiduċja, dinjità u tama.