Abela: It-tkabbir ekonomiku għandu jitkejjel mill-opportunitajiet li joħloq għan-nies

Il-Prim Ministru qal f’New York li Malta trid tkompli tibni ekonomija reżiljenti, miftuħa għall-kummerċ u t-teknoloġija, filwaqt li t-tkabbir irid jissarraf f’impjiegi ta’ kwalità u komunitajiet aktar sostenibbli

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li t-tkabbir ekonomiku m’għandux jitkejjel biss miċ-ċifri ewlenin, iżda wkoll mill-opportunitajiet li joħloq fil-ħajja tan-nies.

Abela qal dan waqt il-Concordia Annual Summit fi New York, fejn qed ikompli bl-impenji tiegħu fil-ġenb tal-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Huwa qal li għal pajjiż gżira bħal Malta, il-kummerċ huwa kundizzjoni essenzjali għall-prosperità, għaliex jippermetti li l-prodotti u s-servizzi jaqsmu l-fruntieri, jiċċirkola l-investiment u jinħolqu opportunitajiet ġodda.

Abela qal li l-ekonomija globali għaddejja minn perjodu ta’ trasformazzjoni, b’rotot kummerċjali li qed jinbidlu, supply chains li qed jiġu riveduti u pressjonijiet teknoloġiċi u klimatiċi li qed ibiddlu l-mod kif joperaw in-negozji u jippjanaw il-gvernijiet.

Il-Prim Ministru argumenta li r-reżiljenza m’għandhiex twassal għall-protezzjoniżmu, iżda għandha tfisser supply chains li kapaċi jifilħu għax-xokkijiet u sħubijiet li jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet mingħajr ma jinħolqu ostakli ġodda.

Huwa rrefera wkoll għall-Malta Vision 2050, u qal li l-għan tagħha huwa li t-tkabbir ekonomiku jissarraf f’aktar opportunitajiet, impjiegi ta’ kwalità ogħla, ħiliet aħjar, komunitajiet sostenibbli u ekonomija aktar kompetittiva.

Dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-kummerċ diġitali, Abela qal li dawn it-teknoloġiji qed jagħtu lil ekonomiji żgħar opportunitajiet ġodda biex jilħqu swieq globali permezz tat-talent, l-aġilità u l-ideat.

Huwa sostna li l-progress teknoloġiku għandu jwessa’ l-opportunitajiet aktar milli jkabbar l-inugwaljanzi.

L-intelliġenza artifiċjali kienet ukoll fuq l-aġenda ta’ laqgħa ta’ livell għoli fil-kwartieri tan-Nazzjonijiet Magħquda, imsejħa minn Franza, Spanja u l-Kenja, dwar il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal fl-era tal-AI.

Abela ħa sehem fil-laqgħa, fejn ġie enfasizzat li l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali għandu jibqa’ ċċentrat fuq il-bniedem, jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jkun sigur u affidabbli.

Il-Prim Ministru attenda wkoll laqgħa dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fejn tenna l-appoġġ ta’ Malta għal soluzzjoni ta’ żewġ stati bħala triq lejn paċi dejjiema fir-reġjun.

Huwa qal li din il-pożizzjoni qed tikseb appoġġ dejjem akbar, inkluż fost mexxejja ta’ pajjiżi ewlenin.

Abela attenda wkoll il-ftuħ tad-Dibattitu Ġenerali tal-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne.

More in Kronaka