Kważi 800 intervent fil-ġimgħa mill-Cleansing and Maintenance Division matul is-sajf

Id-Diviżjoni wettqet 797 intervent skedat fil-ġimgħa fuq toroq, spazji pubbliċi, bajjiet u żoni kostali, b’eluf ta’ sigħat ta’ xogħol matul l-aktar xhur impenjattivi tas-sajf

Il-Cleansing and Maintenance Division wettqet kważi 800 intervent skedat fil-ġimgħa matul ix-xhur tas-sajf bħala parti minn programm kontinwu ta’ tindif u manutenzjoni madwar Malta u Għawdex.

Fi stqarrija, id-Diviżjoni qalet li l-operat tagħha laħaq 797 intervent fil-ġimgħa, mifruxa bejn tindif urban u xogħol f’żoni kostali.

Il-programm tas-sajf kien jinkludi 112-il rotta differenti għat-tindif tat-toroq u l-ispazji pubbliċi, li flimkien kienu jammontaw għal 588 intervent skedat fil-ġimgħa.

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, Jude Zammit, qal li x-xogħol ma kienx limitat għall-knis tat-toroq, iżda kien jinkludi wkoll ġbir ta’ skart u boroż, tindif ta’ bins u spazji pubbliċi, knis mekkaniku u operazzjonijiet ta’ tindif wara attivitajiet.

Barra minn hekk, 32 rotta oħra kienu ddedikati speċifikament għall-bajjiet u ż-żoni kostali, li flimkien ammontaw għal 209 intervent ieħor fil-ġimgħa.

F’dawn iż-żoni, il-ħaddiema kienu jwettqu tindif tax-xatt, ġbir ta’ skart, litter picking matul il-ġurnata u tindif mekkaniku tar-ramel fejn kien meħtieġ.

Skont id-Diviżjoni, ix-xogħol fuq il-bajjiet u ż-żoni kostali waħdu kien jirrikjedi madwar 3,744 siegħa xogħol fil-ġimgħa matul il-quċċata tas-sajf.

Għall-operat intużaw road sweepers, vetturi għall-ġbir tal-iskart, tippers, road washers, vetturi ta’ appoġġ u makkinarju speċjalizzat għall-bajjiet u l-kosta.

Id-Diviżjoni qalet iżda li x-xogħol manwali baqa’ essenzjali, b’mod partikolari f’żoni fejn il-makkinarju ma jistax jidħol. Għal dawn l-operazzjonijiet intużat flotta ta’ 204 vettura speċjalizzata.

Waqt żjara lill-ħaddiema tad-Diviżjoni, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern se jkompli jinvesti f’riżorsi u teknoloġija biex is-servizz ikompli jitjieb.

Ix-xogħol se jkompli fix-xhur li ġejjin, b’operazzjonijiet adattati għall-kundizzjonijiet tat-temp marbuta mal-bidla fl-istaġun.

More in Kronaka