Momentum ħeġġeġ lill-pubbliku jissottometti oġġezzjonijiet għal applikazzjoni tad-db Group li qed tfittex li tissanzjona xogħlijiet mhux awtorizzati f’San Ġorġ u testendi l-Bagatelle Lido u l-pool deck eżistenti.
L-applikazzjoni PA/05423/26 tressqet f’April minn db San Gorg Property Limited u ġiet ippubblikata mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Awwissu. Skont l-applikazzjoni, il-kumpanija qed titlob li ż-żona approvata tal-lido u l-pool deck titkabbar b’421 metru kwadru, kif ukoll li jiġu sanzjonati xogħlijiet ta’ tħaffir li saru barra mill-footprint approvat.
L-Awtorità tal-Ippjanar kienet diġà kkonfermat li fis-sit saru xogħlijiet ta’ tħaffir u tindif mhux awtorizzati u kienet ħarġet ordni biex ix-xogħol jieqaf. Il-permess oriġinali tal-lido, approvat f’April, kien ikopri 292 metru kwadru u kien jippermetti t-twaqqigħ tal-boathouses tas-seklu 19 biex minflokhom isiru pool u deck.
L-applikazzjoni l-ġdida qed titlob approvazzjoni retrospettiva għat-tħaffir tal-blat u ta’ pjattaforma tal-konkos quddiem il-boathouses, kif ukoll għall-estensjoni tal-lido.
Momentum qal li l-każ jirrifletti dak li sejjaħ kultura ta’ “l-ewwel tiżviluppa, imbagħad tissanzjona”, u appella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirrifjuta l-applikazzjoni u tieħu passi ta’ infurzar, inkluż permezz ta’ multi u proċeduri legali.
Il-partit qal li kien diġà qajjem tħassib dwar is-sit. F’Diċembru 2025 ressaq talba skont il-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni biex jikseb dettalji dwar is-sjieda, konċessjonijiet u arranġamenti oħra marbuta mal-art. F’Jannar, talab ukoll li l-boathouses storiċi jiġu protetti u li jsir assessjar tal-wirt qabel ma jsiru xogħlijiet irriversibbli.
It-Tlieta 22 ta’ Settembru huwa l-aħħar jum biex il-pubbliku jissottometti rappreżentazzjonijiet dwar l-applikazzjoni.
Momentum ikkritika wkoll kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Oppożizzjoni għal dak li ddeskriva bħala silenzju matul il-proċess, b’mod partikolari fejn jidħlu art kostali pubblika u l-infurzar tar-regoli tal-ippjanar.
Matthew Agius, membru tal-kumitat eżekuttiv ta’ Momentum, qal li meta r-rappreżentazzjonijiet tal-pubbliku jidhru li ma jingħatawx widen, u x-xogħol jimxi ’l quddiem qabel jintemm il-proċess tal-ippjanar, wieħed jifhem għaliex in-nies jibdew jitilfu l-fiduċja fis-sistema.