Il-partit Ahwa Maltin se jibda l-proċess biex jingħalaq, skont messaġġ ippubblikat minn Paul Salomone.
Salomone qal li l-kumitat tal-partit se jiltaqa’ fis-6 ta’ Ottubru biex jibda l-proċeduri meħtieġa biex jingħalaq “il-kapitolu politiku” ta’ Ahwa Maltin.
Huwa qal li fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni l-partit kien ripetutament talab għall-għajnuna ta’ voluntiera, attivisti u kandidati, iżda sostna li ma sabx biżżejjed nies lesti jidħlu b’mod attiv fil-partit.
Skont Salomone, ħafna kienu juru appoġġ għall-partit iżda ma kinux lesti jidhru pubblikament miegħu jew jinvolvu ruħhom direttament.
Huwa qal ukoll li f’Lulju pprova jsib mexxej ġdid għall-partit, iżda l-persuna li kellu f’moħħu ma aċċettatx ir-rwol.
“Għal dan il-għan ma fadal xejn aktar ħlief li nagħlaq għal kollox il-partit,” kiteb Salomone.
Fil-messaġġ tiegħu, huwa rringrazzja lil madwar 1,800 votant li qal taw il-vot tagħhom lil Ahwa Maltin, iżda esprima diżappunt dwar in-nuqqas ta’ appoġġ usa’ għall-partit.
Salomone qal li minn issa ’l quddiem mhux se jibqa’ jitkellem f’isem persuni li jersqu lejn il-partit bi problemi jew allegazzjonijiet ta’ inġustizzja, u sostna li l-partit ma jistax jibqa’ jservi ta’ “tapp” għal dawk li ma jkunux lesti jappoġġjawh elettoralment.
Huwa temm jgħid li l-laqgħa tas-6 ta’ Ottubru għandha tiftaħ it-triq għall-għeluq formali tal-partit.