L-MEP Peter Agius talab lill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Jessika Roswall, biex tissospendi r-regoli l-ġodda tal-Unjoni Ewropea dwar l-iskart mill-ippakkjar, li daħlu fis-seħħ fit-12 ta’ Awwissu.
Ir-Regolament dwar l-Ippakkjar u l-Iskart mill-Ippakkjar għandu l-għan li jnaqqas ippakkjar mhux meħtieġ, jippromwovi kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw u jtejjeb id-disinn tal-ippakkjar.
Agius qal li jaqbel mal-għanijiet ambjentali tar-regolament, iżda saħaq li dawn m’għandhomx jintlaħqu għad-detriment tal-kompetittività Ewropea jew tal-għajxien ta’ negozji żgħar.
Huwa qal li rċieva diversi ilmenti mingħand negozji Maltin, artisti u artiġjani, li jinsabu mħassba li rekwiżiti ġodda biex jirreġistraw f’kull pajjiż tal-UE jistgħu jagħmluha prattikament impossibbli għalihom li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn swieq Ewropej oħra.
Skont Agius, ħafna negozji Maltin li jbigħu kwantitajiet żgħar fis-Suq Uniku issa jistgħu jiffaċċjaw spejjeż ta’ reġistrazzjoni li jaqbżu l-€200 f’kull Stat Membru, anke meta d-dħul annwali tagħhom minn dan il-kummerċ ikun ħafna inqas.
L-MEP qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi sistema temporanja u simplifikata għal dawn in-negozji.
Fost il-miżuri proposti hemm sospensjoni temporanja tal-obbligu li kummerċjanti jaħtru rappreżentant awtorizzat f’kull Stat Membru fejn ibigħu.
Agius qal li hemm bżonn jerġa’ jinbena l-fiduċja fis-Suq Uniku filwaqt li jinżammu l-ambizzjonijiet ambjentali tar-regolament.
“L-Ewropa għandha tagħmilha aktar faċli, mhux aktar diffiċli, għall-iżgħar negozji tagħha biex jinnegozjaw bejn il-fruntieri,” qal.