Hekk kif il-gżejjer Maltin għaddejjin minn sħana rekord, Għawdex spiċċa fi dlam b’iktar ħsarat fid-distribuzzjoni tad-dawl bir-riżultat li l-gżira Għawdxija spiċċat bla dawl u eluf għexu lejl bla fannijiet u airconditioners u ilma.
Il-kaos fid-distribuzzjoni tad-dawl minħabba ħsarat fil-linji ta’ taħt l-art f’Kemmuna u x-Xewkija waslu biex Għawdex jintefa’ fi dlam ċappa. Mill-ewwel il-Partit Nazzjonalista sejjaħ għar-riżenja ta’ Miriam Dalli, il-Ministru responsabbli mill-enerġija u l-EneMalta. Jidher ċar ukoll li dawn il-ħsarat se jkomplu hekk kif is-sħana estrema se tkun in-norma u mhux l-eċċezzjoni.
Iżda l-inċident reġa’ qajjem il-mistoqsija jekk ir-ritmu ekonomiku xprunat minn politika bla qies u limitazzjonijiet kien qed jasal fi tmiemu. Deputati Laburisti li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalulna li l-Prim Ministru jrid jifhem li r-ritmu tal-kostruzzjoni f’Malta u Għawdex irid jikkalma ftit. Semmew ukoll li l-Gvern ma jistax ikompli jimmaġina li l-enerġija ħa tibqa’ ssussidjata għal dejjem.
Sorsi viċin il-Gvern qalulna li l-ispiża tas-sussidji din is-sena tista’ titla’ sa 350 miljun, u l-Ministru Clyde Caruana diġà għamilha ċara mal-ministri l-oħra li m’għandhomx jistennew l-istess fondi bħas-sena l-oħra.
Deputati oħra qalu li l-Prim Ministru jrid jaċċetta l-fatt li wasal iż-żmien li jkun hemm miżuri ibsin biex in-nies u n-negozji jaraw kif inaqqsu l-konsum tal-elettriku.