Sewwieqa self-employed ta' Uber sospiżi minħabba regoli ġodda dwar ride-hailing

Uber qalet li qed taħdem biex timplimenta s-sistema meħtieġa skont il-liġi l-ġdida, filwaqt li l-LPOA kkritikat is-sospensjoni tas-sewwieqa self-employed

Sewwieqa tat-taxis li jaħdmu għal rashom (self-employed) bħalissa jinsabu sospiżi milli jaħdmu permezz ta' Uber wara d-dħul fis-seħħ ta' regoli ġodda li jolqtu l-pjattaformi tar-ride-hailing.

Aktar kmieni din il-ġimgħa daħlu fis-seħħ emendi leġiżlattivi li jobbligaw lill-pjattaformi tar-ride-hailing jipprovdu lis-sewwieqa bid-dettalji tan-nol u informazzjoni oħra dwar il-vjaġġ qabel dawn jiddeċiedu jekk jaċċettawx it-talba. Din hija prattika li diġà tintuża f'diversi pajjiżi oħra.

F'messaġġ mibgħut lis-sewwieqa self-employed, Uber qalet li "bħalissa qed taħdem biex timplimenta t-teknoloġija meħtieġa sabiex tikkonforma ma' dawn ir-rekwiżiti regolatorji."

Il-messaġġ, li ġie ppubblikat mill-Light Passenger Operators Association (LPOA) fuq Facebook, jinforma lis-sewwieqa li mhux se jkunu jistgħu jużaw il-pjattaforma sakemm jiġu implimentati l-bidliet meħtieġa.

L-LPOA kkritikat id-deċiżjoni, u sostniet li Uber qed issib diffikultajiet biex tadatta s-sistema tagħha għar-regoli l-ġodda f'Malta, minkejja li diġà toffri din il-funzjonalità f'swieq oħra.

"Lflok sabet soluzzjoni mal-awtoritajiet fi żmien xieraq biex kulħadd ikun jista' jkompli jaħdem, Uber għażlet li tissospendi lis-sewwieqa self-employed, bl-aspettattiva li l-problema tissolva fil-ġimgħat li ġejjin," qalet l-assoċjazzjoni.

L-LPOA insistiet li s-sospensjoni tas-sewwieqa mhijiex risposta xierqa għall-bidliet regolatorji u appellat biex tinstab soluzzjoni li tippermetti lis-sewwieqa self-employed ikomplu jaħdmu filwaqt li jiġu osservati r-rekwiżiti l-ġodda tal-liġi.

L-assoċjazzjoni wissiet li s-sospensjoni qed tħalli impatt dirett fuq l-għajxien ta' dawk is-sewwieqa li jiddependu fuq Uber bħala s-sors ewlieni tad-dħul tagħhom u appellat biex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis possibbli.

More in Kronaka