Il-pulizija bħalissa għaddejja b'operazzjoni f'San Ġiljan wara li nstemgħu tiri u żewġ uffiċjali tal-pulizija ntlaqtu waqt l-inċident.
L-inċident beda wara li persuna allegatament tat in-nar lil struttura ta' armar fejn kien hemm ħaddiema.
Wieħed mill-pulizija jinsab f'kundizzjoni kritika wara li ntlaqat b'tir f'wiċċu u f'għonqu u bħalissa qed isirlu intervent kirurġiku. Uffiċjal ieħor sofra ġrieħi gravi.
Skont il-pulizija, suspettat wieħed jinsab taħt arrest, filwaqt li ieħor għadu f'konfront mal-pulizija.
Fuq il-post hemm ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li fl-operazzjoni qed jintużaw drones u flashbangs.
Is-suspettat li għadu mhux arrestat jinsab imdawwar mill-pulizija, li qed jordnawlu jċedi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud jinsab ukoll fuq il-post.
Din hija storja li għadha qed tiżviluppa.