ARA | Is-suspettat armat arrestat wara sparatura f'San Ġiljan

Żewġ uffiċjali tal-Special Intervention Unit indarbu b'tiri waqt l-operazzjoni, b'wieħed minnhom jinsab f'kundizzjoni kritika.

Is-suspettat armat li kien ilu għal sigħat assedjat mill-pulizija f'San Ġiljan ittieħed taħt arrest wara operazzjoni intensiva li matulha żewġ uffiċjali tal-Pulizija sfaw milquta b'tiri.

Ritratt: The Malta Independent
Ritratt: The Malta Independent

L-inċident beda wara li individwu allegatament ta n-nar lil struttura ta' armar li fuqha kien hemm ħaddiema tal-kostruzzjoni.

Meta l-pulizija intervjeniet, allegatament ġiet milqugħa bi sparaturi. Żewġ uffiċjali mill-Special Intervention Unit (SIU)indarbu waqt l-operazzjoni.

Wieħed mill-uffiċjali ntlaqat f'wiċċu u f'għonqu u jinsab f'kundizzjoni kritika wara li ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn sarulu intervent kirurġiku. It-tieni uffiċjal sofra xi ġrieħi wkoll. 

Il-pulizija kkonfermat li s-suspettat issa jinsab taħt arrest.

Matul l-operazzjoni, fuq il-post kien hemm ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili u diversi timijiet mediċi. MaltaTodaytinsab infurmata li ntużaw ukoll drones ta' sorveljanza u flashbangs biex il-pulizija tieħu kontroll tas-sitwazzjoni.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud jinsab fuq il-post biex imexxi l-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka