GWU tirreġistra tilwima industrijali kontra Securital dwar kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ERA

Il-union tgħid li ħaddiema esposti għas-sħana estrema qed jibqgħu mingħajr il-protezzjoni meħtieġa u twissi b'direttivi fi żmien 48 siegħa jekk ma jintlaħaqx ftehim

Il-General Workers' Union (GWU) irreġistrat tilwima industrijali kontra l-kuntrattur tas-servizzi u s-sigurtà Securitaldwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati li jipprovdu servizzi lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Fi stqarrija, it-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU qalet li d-deċiżjoni ttieħdet wara nuqqas ta' azzjoni, komunikazzjoni dgħajfa u korrispondenza li baqgħet mingħajr tweġiba dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema esposti għal temperaturi estremi, b'mod partikolari dawk li jaħdmu fuq il-bajjiet.

L-union qalet li s-sitwazzjoni saret aktar urġenti fid-dawl tat-twissijiet uffiċjali dwar il-mewġa ta' sħana li qed tolqot il-pajjiż.

Il-GWU kkritikat ukoll lill-ERA, u sostniet li l-awtorità naqset milli tintervjeni b'mod effettiv minħabba li l-ħaddiema kkonċernati huma impjegati ta' kuntrattur u mhux direttament tal-awtorità.

Skont il-union, kienet talbet l-introduzzjoni ta' proċeduri operattivi ċari għal xogħol li jsir waqt temperaturi estremi, iżda sostniet li dawn qatt ma ġew implimentati.

Il-GWU insistiet li ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol għandhom igawdu mill-istess livell ta' protezzjoni, miżuri ta' saħħa u sigurtà u kundizzjonijiet tax-xogħol, irrispettivament minn jekk humiex impjegati direttament minn entità pubblika jew minn kuntrattur.

L-union qalet li ppruvat issolvi l-kwistjoni permezz tad-djalogu, iżda ma rċevietx ir-risposti meħtieġa mill-partijiet involuti.

Hija wissiet li jekk ma jsirx progress konkret, fi żmien 48 siegħa se toħroġ direttivi u tista' tieħu aktar azzjoni biex tħares id-drittijiet, l-interessi u s-sigurtà tal-membri tagħha.

More in Kronaka