Malta laqgħet 457,636 turist matul ix-xahar ta' Mejju, żieda ta' 76,000 viżitatur meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena li għaddiet, skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
Iċ-ċifri juru li l-akbar grupp ta' turisti kien dak ta' bejn il-25 u l-44 sena, b'170,938 viżitatur, segwit minn dawk ta' bejn il-45 u l-64 sena, li ammontaw għal 156,309.
Ir-Renju Unit baqa' l-akbar suq turistiku għal Malta b'97,556 viżitatur, segwit mill-Italja b'58,920 u l-Polonja b'48,385. Flimkien, dawn it-tliet swieq irrappreżentaw 44.8% tat-turisti kollha li żaru Malta matul Mejju.
In-numru ta' ljieli li qattgħu t-turisti f'Malta żdied b'17.5% u laħaq 2.6 miljun lejl, filwaqt li ż-żjara medja kienet ta' 5.7 iljieli.
Il-lukandi u akkomodazzjoni kollettiva ospitaw 262,755 turist, filwaqt li 157,649 għażlu akkomodazzjoni mikrija bħal Airbnb u holiday rentals, żieda ta' kważi 37,000 turist fuq is-sena li għaddiet.
In-nefqa tat-turisti matul Mejju laħqet kważi €420 miljun, żieda ta' 15.5% fuq l-istess xahar tal-2025. In-nefqa medja għal kull lejl kienet stmata għal €162.10.
Sadanittant, 268,229 persuna żaru Għawdex u Kemmuna matul Mejju, li jirrappreżentaw 58.6% tat-turisti kollha. Minn dawn, 242,929 kienu viżitaturi ta' ġurnata, filwaqt li 25,300 qattgħu tal-anqas lejl wieħed fil-gżejjer.
Bejn Jannar u Mejju 2026, Malta laqgħet 1,673,602 turist, żieda ta' 17.9% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Matul dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena, in-nefqa totali tat-turisti kienet stmata għal €1.34 biljun, għalkemm in-nefqa medja għal kull turist naqset minn €823 fl-2025 għal €800 din is-sena.