L-ADPD – The Green Party appella lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata kontra dak li ddeskriva bħala turiżmu eċċessiv, u sostna li Malta ma tistax tkompli ssostni tkabbir bla kontroll fin-numru ta' turisti.
Fi stqarrija maħruġa s-Sibt, iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet li l-overtourism qed ipoġġi pressjoni dejjem tikber fuq l-infrastruttura, is-servizzi pubbliċi bħall-ġestjoni tal-iskart u s-settur tal-kostruzzjoni.
Skont Gauci, dawn il-problemi qed jkomplu jiggravaw minn sena għall-oħra, filwaqt li l-benefiċċji tat-turiżmu qed jonqsu minħabba t-tkabbir eċċessiv tiegħu.
Il-partit qal ukoll li l-bajjiet Maltin qed ibatu minħabba li l-infrastruttura ma żammitx il-pass maż-żieda fil-popolazzjoni, u rrimarka li f'dawn l-aħħar ġimgħat diversi bajjiet kellhom jingħalqu minħabba problemi ta' drenaġġ, fosthom dawk ta' Birżebbuġa, Qui-Si-Sana f'Tas-Sliema u Bajja tal-Għażżelin f'San Pawl il-Baħar.
"Qed naraw il-konsegwenzi ta' dan kollu. Kulma trid tagħmel hu li tħares madwarek," qalet Gauci.
L-ADPD sostna wkoll li l-effetti tat-turiżmu eċċessiv qed jinħassu fis-settur tal-kostruzzjoni, permezz tal-bini ta' aktar lukandi u l-konverżjoni ta' proprjetajiet residenzjali f'akkomodazzjoni għal kiri għal żmien qasir.
Il-partit qal li f'ċerti lokalitajiet din is-sitwazzjoni qed tħalli impatt akbar fuq ir-residenti, u appella lill-awtoritajiet biex jagħtu prijorità lill-bżonnijiet tagħhom.
L-ADPD irrefera wkoll għal rapport riċenti tan-New York Post, li ddeskriva lil Malta bħala destinazzjoni turistika "iffullata żżejjed", kif ukoll għal studju ta' BookRetreats li identifika lil Malta bħala l-aktar pajjiż fl-Ewropa b'densità għolja ta' turisti.
Il-partit semma wkoll it-twissija tal-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta dwar il-kjuwijiet dejjem itwal tal-passiġġieri wara l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea.
L-ADPD temm jgħid li Malta għandha tnaqqas in-numru ta' turisti u tiffoka aktar fuq turiżmu ta' kwalità, filwaqt li tiżgura li l-ħtiġijiet tar-residenti jibqgħu prijorità.