Il-Kollettiv jesprimi tħassib dwar żvilupp fil-Qrendi qabel il-vot tal-PA

L-għaqda sostniet li wara li ġiet irtirata applikazzjoni għal impjant tal-asfalt, issa qed tiġi promossa applikazzjoni għal blokka appartamenti fuq l-istess sit permezz ta' proċess li ddeskriviet bħala irregolari.

L-għaqda Il-Kollettiv sostniet li applikazzjoni kontroversjali għal żvilupp bejn l-Imqabba u l-Qrendi tista' tingħata l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar, minkejja dak li ddeskriviet bħala proċess "irregolari".

Fi stqarrija, l-NGO qalet li wara li fl-2023 ġiet irtirata applikazzjoni għall-bini ta' impjant tal-asfalt wara oppożizzjoni qawwija mir-residenti, fl-2024 tressqet applikazzjoni separata biex jinbena blokk ta' appartamenti fuq l-istess sit.

Skont Il-Kollettiv, il-każ mistenni jitressaq quddiem il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar il-ġimgħa d-dieħla.

L-għaqda sostniet li għandha dubji serji dwar il-mod kif qed jiġi trattat il-każ u allegat li hemm min qed jaħdem biex il-permess jiġi approvat "akkost ta' kollox", filwaqt li staqsiet għaliex l-applikazzjoni għadha għaddejja minkejja allegat ksur tal-proċeduri.

L-NGO fakkret li l-impjant tal-asfalt oriġinali, propost mill-kumpanija BIP Limited, li hija proprjetà tal-familja Penza, kien ippjanat inqas minn 200 metru 'l bogħod minn blokka appartamenti u kien iltaqa' ma' oppożizzjoni qawwija minn residenti u kunsilli lokali qabel ma ġie rtirat.

Skont Il-Kollettiv, il-proġett residenzjali li tressaq wara jista' jitqies bħala sostitut għall-impjant tal-asfalt.

L-għaqda qalet ukoll li wara li għalqet il-perjodu għall-oġġezzjonijiet, l-iżviluppatur żied sular ieħor mal-proġett u li l-proċess reġa' nfetaħ biss wara intervent mill-perit tar-residenti.

Żiedet li entitajiet esprimew tħassib dwar id-disinn propost, u li saru diversi emendi biex jiġu indirizzati dawn l-oġġezzjonijiet.

Il-Kollettiv irrimarkat ukoll li l-applikant, Darren Ciantar, iddikjara li mhuwiex sid l-art, filwaqt li sostniet li parti mis-sit hija marbuta mal-familji Penza u Axiak.

Barra minn hekk, l-għaqda qalet li l-Kunsill Lokali tal-Qrendi għadu ma ħax pożizzjoni pubblika dwar il-proġett.

Fl-aħħar nett, Il-Kollettiv sostniet li dan il-każ huwa eżempju ta' kif, skont hi, il-Gvern u s-settur privat qed jaħdmu flimkien biex proġetti kontroversjali jimxu 'l quddiem minkejja l-oppożizzjoni tar-residenti.

More in Kronaka