Daniel Attard magħżul l-aqwa MEP fil-qasam tat-Turiżmu Sostenibbli

L-MEP Laburista Daniel Attard ingħata r-rikonoxximent bħala l-aqwa Membru tal-Parlament Ewropew fil-qasam tat-Turiżmu Sostenibbli waqt iċ-ċerimonja tal-MEP Awards

L-MEP Laburista Daniel Attard ġie rikonoxxut bħala l-aqwa Membru tal-Parlament Ewropew fil-qasam tat-Turiżmu Sostenibbli waqt iċ-ċerimonja tal-MEP Awards li saret it-Tlieta.

L-MEP Awards jagħtu rikonoxximent lill-ħidma tal-Membri tal-Parlament Ewropew f'diversi oqsma ta' politika.

Matul l-aħħar sena, Attard kien inkarigat imexxi l-ħidma tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tat-turiżmu fl-Ewropa. Ir-rapport li ħadem fuqu kiseb appoġġ qawwi mill-Parlament Ewropew u se jservi bħala l-bażi għall-ewwel Strateġija Ewropea għat-Turiżmu Sostenibbli.

Il-premju ġie ppreżentat lil Attard mill-Kummissarju Ewropew għall-Mediterran, Dubravka Šuica. Fl-istess kategorija kienu nominati wkoll l-MEP Kroata u eks Ministru tat-Turiżmu Nikolina Brnjac, kif ukoll il-President tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, Elissavet Vozemberg-Vrionidi.

Fid-diskors tiegħu, Attard qal li dan ir-rikonoxximent għandu tifsira speċjali għalih. Huwa fakkar li sena ilu, waqt l-istess ċerimonja, kien għaddej minn wieħed mill-aktar mumenti diffiċli fil-ħajja pubblika tiegħu, filwaqt li sostna li dan il-premju jfakkru li ż-żminijiet diffiċli jgħaddu u li fl-aħħar mill-aħħar tirbaħ il-verità.

More in Kronaka