Abela jerġa’ jtenni l-oppożizzjoni ta’ Malta għal taxxi ġodda tal-UE

Il-Prim Ministru qal li l-politika fiskali għandha tibqa’ kompetenza esklussiva tal-istati membri hekk kif l-Unjoni Ewropea tibda negozjati diffiċli dwar il-qafas finanzjarju li jmiss

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta tibqa’ kontra kwalunkwe proposta li tintroduċi taxxi fuq livell Ewropew biex jiġu ffinanzjati l-infiq u l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.

Meta kien qed jindirizza lill-Parlament wara s-summit tal-mexxejja Ewropej li sar fi Brussell il-ġimgħa li għaddiet, Abela sostna li l-politika fiskali għandha tibqa’ f’idejn il-gvernijiet nazzjonali u mhux tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Huwa qal li Malta ilha tiddefendi l-prinċipju tas-sovranità fiskali u mhux se taċċetta li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ tassazzjoni fuq livell tal-UE biex jiffinanzjaw il-baġit Ewropew.

Il-kummenti tiegħu saru fil-kuntest tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss tal-Unjoni Ewropea. Fost il-proposti li qed jiġu kkunsidrati biex jiżdied id-dħul tal-UE hemm taxxi marbuta mal-industrija tal-logħob tal-azzard u servizzi diġitali.

Abela spjega li fis-summit Ewropew beda l-proċess ta’ negozjati li mistennija jwassal għal qbil dwar il-baġit futur tal-Unjoni, iżda ammetta li għad hemm diverġenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi membri.

Huwa rrimarka li Malta tifforma parti mill-grupp magħruf bħala l-“Friends of Cohesion”, li qed jinsisti fuq investiment kontinwu fil-politika ta’ koeżjoni Ewropea, filwaqt li stati oħra qed jimbuttaw għal infiq aktar restrittiv.

Il-Prim Ministru qal li qabel il-laqgħat uffiċjali pparteċipa f’diskussjoni mal-pajjiżi tal-grupp sabiex jikkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom dwar il-futur tal-fondi Ewropej.

Skont Abela, il-politika ta’ koeżjoni għandha tibqa’ għodda importanti għall-iżvilupp ekonomiku, il-kompetittività u t-tnaqqis tad-differenzi bejn ir-reġjuni tal-Unjoni.

Huwa sostna li l-baġit Ewropew għandu jirrifletti l-prijoritajiet u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini, filwaqt li kull riforma għandha tkun ibbażata fuq konsultazzjoni u qbil bejn il-pajjiżi membri aktar milli fuq deċiżjonijiet imposti minn fuq.

Abela esprima fiduċja li Malta tkun kapaċi tikseb riżultati favorevoli matul in-negozjati li ġejjin, u qal li l-esperjenza tal-gvern f’dawn id-diskussjonijiet għandha tgħin biex jiġu mħarsa l-interessi tal-pajjiż.

Dwar il-kompetittività ekonomika Ewropea, il-Prim Ministru qal li l-istabbiltà fis-suq tal-enerġija tibqa’ waħda mill-akbar sfidi għall-kontinent minħabba l-prezzijiet għoljin u l-inċertezza internazzjonali.

F’dan il-kuntest huwa għamel referenza għall-ftehim reċenti li Malta kkonkludiet ma’ BP għall-provvista tal-gass naturali likwifikat (LNG), li qal għandu jgħin biex il-pajjiż iżomm stabbiltà fil-qasam tal-enerġija.

Huwa sostna wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha twieġeb għall-isfidi ekonomiċi globali b’mod bilanċjat u f’konformità mar-regoli tal-kummerċ internazzjonali, filwaqt li tibqa’ miftuħa għas-swieq globali.

Abela indirizza wkoll il-kwistjoni tal-migrazzjoni u qal li wara madwar sena u nofs ta’ diskussjonijiet bejn l-istati membri, qed jibdew jidhru riżultati konkreti.

Huwa semma l-adozzjoni tar-regolament il-ġdid dwar ir-ritorn ta’ migranti li ma jkunux intitolati għall-ażil bħala pass importanti, filwaqt li saħaq li issa hemm bżonn implimentazzjoni rapida u riżorsi adegwati biex il-miżuri miftiehma jibdew jagħtu l-effett mixtieq.

More in Kronaka