Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern jippubblika l-ftehim il-ġdid li ntlaħaq ma’ BP għall-provvista tal-gass naturali likwifikat (LNG), filwaqt li sostna li l-pubbliku għandu jkun jaf x’kundizzjonijiet u prezzijiet ġew miftiehma.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-ftehim il-ġdid se jibqa’ fis-seħħ sa Mejju tal-2027 u ġie mħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista fuq ONE, ftit ġimgħat biss qabel ma jiskadi l-ftehim eżistenti ma’ SOCAR f’Awwissu tal-2026.
L-Oppożizzjoni sostniet li l-Gvern spiċċa jinnegozja fl-aħħar mumenti minkejja li kien ilu jaf għal snin sħaħ meta kien se jiskadi l-arranġament attwali.
Skont il-PN, in-negozjati saru mingħajr ma ngħataw dettalji dwar il-prezz li bih Malta se tkun qed tixtri l-gass fil-perjodu li ġej.
Il-partit ikkritika wkoll dak li sejjaħ bħala “ġestjoni permezz tal-kriżijiet”, u sostna li f’setturi strateġiċi bħall-enerġija l-Gvern ħalla d-deċiżjonijiet importanti sal-aħħar mument.
Il-PN qal li dan il-ftehim fuq terminu qasir m’għandux jinżamm mistur u li l-pubbliku għandu jkun infurmat dwar il-kundizzjonijiet kollha li ġew miftiehma.
L-istqarrija għamlet referenza wkoll għall-wegħda li kienet saret fl-2013 dwar pipeline tal-gass li kellu jissostitwixxi t-tanker tal-LNG f’Marsaxlokk. Skont il-PN, din il-wegħda qatt ma ġiet implimentata.
Għalhekk, il-partit qed jitlob li l-ftehim ma’ BP jiġi ppubblikat kollu kemm hu, inklużi l-prezzijiet u l-obbligi li Malta daħlet għalihom.
Fl-aħħar nett, il-PN esprima t-tama li l-pajjiż ma jerġax jesperjenza problemi fil-provvista tal-elettriku matul is-sajf, b’referenza għall-qtugħ tad-dawl li seħħ f’perjodi riċenti.