Ħajt ta’ sit ta’ kostruzzjoni fix-Xemxija jiġġarraf wara impatt ma’ trakk

L-OHSA u l-BCA waqqfu x-xogħlijiet kollha fuq is-sit wara l-inċident, filwaqt li bdew interventi biex tissewwa l-ħsara kkawżata

Ħajt li jifred sit ta’ kostruzzjoni minn proprjetajiet fil-viċin fit-tela' tax- Xemxija ġġarraf wara li ntlaqat minn trakk li kien qed jittrasporta makkinarju.

Fi stqarrija maħruġa il-Ħadd, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) qalu li ħadu azzjoni immedjata wara l-inċident u ordnaw li jitwaqqaf kull xogħol fuq is-sit.

L-awtoritajiet spjegaw li se jkomplu xogħlijiet ta’ tiswija bħala miżura ta’ prekawzjoni sabiex il-ħajt li jifred is-sit minn proprjetajiet ta’ terzi jiġi restawrat u assigurat.

Fortunatament, ħadd ma weġġa’ fl-inċident.

Il-ġebel li waqa’ fuq il-bankina tneħħa ftit tal-ħin wara l-inċident sabiex l-aċċess għaż-żona jerġa’ jkun sigur għall-pubbliku.

L-OHSA u l-BCA appellaw ukoll lill-pubbliku biex jirrapporta kwalunkwe tħassib relatat ma’ siti ta’ kostruzzjoni jew kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol permezz tal-Helpline 138, sabiex il-każijiet ikunu jistgħu jiġu investigati mingħajr dewmien.

More in Kronaka