Il-Kabinett jaqbel li Wied iż-Żrinġ jitneħħa miż-żona ta’ żvilupp

Il-Gvern se jibda l-proċess biex art ta’ madwar 96,000 metru kwadru f’Wied iż-Żrinġ, iż-Żejtun, ma tibqax klassifikata bħala żona ta’ żvilupp

Il-Kabinett approva l-bidu tal-proċess biex Wied iż-Żrinġ fiż-Żejtun jitneħħa miż-żona ta’ żvilupp, f’deċiżjoni li twitti t-triq sabiex l-art tibqa’ protetta minn żvilupp futur.

L-aħbar tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela permezz ta’ messaġġ qasir fuq il-midja soċjali, fejn qal li se jibdew il-proċeduri neċessarji biex iż-żona titlef id-denominazzjoni tagħha bħala art għall-iżvilupp.

Iż-żona inkwistjoni tkopri madwar 96,000 metru kwadru u tinsab viċin iż-żona industrijali ta’ Bulebel.

Abela rringrazzja lill-bdiewa li jaħdmu l-għelieqi fl-inħawi, kif ukoll lill-għaqda Wirt iż-Żejtun u lill-Kunsill Lokali taż-Żejtun għall-kontribut tagħhom fil-proċess li wassal għal din id-deċiżjoni.

Is-sena li għaddiet, il-Gvern kien diġà ffirma ftehim sabiex l-art agrikola biswit iż-Żona Industrijali ta’ Bulebel tibqa’ tintuża biss għal skopijiet agrikoli.

L-inħawi kienu ġew identifikati fl-2018 bħala parti minn proposta għall-estensjoni taż-żona industrijali, pass li kien qajjem reazzjoni qawwija minn residenti, għaqdiet ambjentali u attivisti minħabba t-tħassib dwar l-impatt fuq l-ambjent u l-bijodiversità.

Fost it-tħassib ewlieni kien hemm il-protezzjoni tal-ekosistema naturali tal-wied, inkluż il-preżenza tal-Żrinġ Pinġut Malti, speċi protetta li tinstab f’dawn l-inħawi.

Id-deċiżjoni tal-Kabinett hija meqjusa bħala pass importanti lejn il-konservazzjoni ta’ waħda mill-ftit meded agrikoli u naturali li fadal fil-limiti taż-Żejtun.

More in Kronaka