Ikomplu jinħarġu vawċers taħt l-Inizjattiva għat-Tħawwil tas-Siġar

Project Green kompliet tqassam il-vawċers diġitali lill-benefiċċjarji tal-Inizjattiva għat-Tħawwil tas-Siġar, b’23,000 siġra diġà allokati lil aktar minn 250 benefiċċjarju madwar Malta u Għawdex

Ritratt: Project Green
Ritratt: Project Green

Project Green kompliet toħroġ il-vawċers diġitali lill-benefiċċjarji tal-Inizjattiva għat-Tħawwil tas-Siġar, b’total ta’ 23,000 siġra diġà allokati lil aktar minn 250 benefiċċjarju.

L-inizjattiva hija mmirata biex tappoġġja l-agroforestrija u tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-bidla fil-klima madwar il-pajjiż.

L-ewwel benefiċċjarji kienu rċevew il-vawċers u s-siġar tagħhom ix-xahar li għadda waqt l-attività “Family in the Park”, fejn tqassmu 13,000 siġra.

F’inqas minn xahar, aktar benefiċċjarji ngħaqdu mal-iskema flimkien ma’ sidien ta’ artijiet u l-aġenzija Project Green fi sforz kollettiv biex jitħawlu aktar siġar madwar Malta u Għawdex.

Skont l-informazzjoni maħruġa, il-vawċers li tqassmu s’issa jkopru 23,000 siġra mifruxa fuq aktar minn 250 benefiċċjarju.

Dawn jinkludu kemm benefiċċjarji tal-ewwel fażi kif ukoll tat-tieni fażi tal-iskema.

L-ewwel fażi kienet immirata lejn persuni li għandhom aktar minn tomna art u li applikaw għal aktar minn 45 siġra.

It-tieni fażi kienet indirizzata għal dawk li għandhom inqas minn tomna art u li applikaw għal inqas minn 45 siġra.

Project Green qalet ukoll li numru ta’ vawċers diġà ġew issarrfa għand fornituri msieħba mal-inizjattiva u s-siġar tqassmu lill-benefiċċjarji.

Il-vawċers se jkomplu jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li l-inizjattiva kompliet tattira interess tant li bħalissa għadhom qed jintlaqgħu aktar applikazzjonijiet permezz tas-sit elettroniku ta’ Project Green.

Fl-aħħar ġimgħat bdew ukoll jiġu kkuntattjati individwi li għandhom inqas minn tomna raba u li talbu inqas minn 45 siġra.

L-inizjattiva tinkludi kemm siġar produttivi kif ukoll siġar mhux produttivi, bil-għan li jiġi żgurat użu sostenibbli tal-art.

Il-lista tas-siġar disponibbli u tal-fornituri parteċipanti tinsab fuq is-sit elettroniku ta’ Project Green.

Għal aktar informazzjoni jew għajnuna biex timtela l-applikazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel fuq il-Freephone ta’ servizz.gov 153 (Est.20) jew jibgħat imejl fuq [email protected].

More in Kronaka