Reazzjonijiet qawwija u diverġenti wara s-sentenza kontra Jimmy Magro
Sentenza ta’ ħabs u interdizzjoni perpetwa kontra Jimmy Magro tqajjem reazzjonijiet kuntrastanti, u għalhekk din il-gazzetta tkellmet ma’ erba’ persuni, fosthomEvarist Bartolo, Peppi Azzopardi, Clyde Puli u Matthew Caruana Galizia
minn Jaelle Borg
Is-sentenza ta’ erba’ snin u tmien xhur ħabs kontra l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jimmy Magro kompliet tqajjem diskussjoni wiesgħa fil-pajjiż, b’reazzjonijiet li jvarjaw minn sodisfazzjon għall-ħidma tal-ġustizzja sa kritika qawwija dwar in-natura u l-għan tal-piena.
Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkonfermat mhux biss il-ħtija ta’ Magro fuq akkużi serji ta’ korruzzjoni passiva, trading in influence u dikjarazzjonijiet foloz, iżda wkoll imponiet il-piena ta’ interdizzjoni ġenerali perpetwa — miżura li effettivament teskludih għal dejjem mill-ħajjapubblika u minn ċerti drittijiet ċivili.
Din id-deċiżjoni qed titqies minn xi wħud bħala sinjal ċar li l-istituzzjonijiet qed jibagħtu messaġġ qawwi kontra l-abbuż tal-poter, filwaqt li oħrajn qed jarawhabħala każ li jqajjem mistoqsijiet diffiċli dwar il-ġustizzja, il-proporzjonalità u l-konsistenza fl-infurzar tal-liġi.
“Il-korruzzjoni trid iġġib kastig” – Clyde Puli
Il-politiku Clyde Puli kien ċar fil-pożizzjoni tiegħu li, ladarba l-Qorti sabet lil xi ħadd ħati, il-każ ma jibqax wieħed ta’ allegazzjoni iżda ta’ fatti ppruvati.
“Il-korruzzjoni dejjem għandha ġġib kastig magħha,” sostna Puli, waqt li rrikonoxxa li jista’ jkun hemm lok għal dibattitu dwar jekk il-piena hijiex twila wisq jew le.
Madankollu, huwa wissa kontra ġeneralizzazzjonijiet faċli. “Ma nistgħux, minħabba każ wieħed, nitfgħu lill-politiċi kollha f’basket wieħed,” qal, filwaqt li ammetta li jista’ jkun hemm każijiet oħra li qatt ma ġew żvelati jew investigati.
“Il-ħabs mhux soluzzjoni” – Peppi Azzopardi
Il-preżentatur Peppi Azzopardi esprima oppożizzjoni ċara għas-sentenza ta’ ħabs imposta fuq Jimmy Magro, u sostna li ma jaqbilx li dan għandu jiskonta pienaeffettiva.
“Assolutament ma naqbilx li Jimmy Magro għandu jkun il-ħabs. Il-ħabs innifsu huwa faċilità vendikattiva, u f’dan il-każ jidher li qed jintuża biex jintbagħatmessaġġ — li iva, politiku jista’ jeħel ħabs effettiv,” qal.
Skont Azzopardi, Magro “spiċċa fuq l-artal tas-sagrifiċċju”, b’sentenza li hu jiddeskrivi bħala sproporzjonata u li fiha “element qawwi ta’ show”.
Huwa rrimarka wkoll li Magro għandu kundizzjoni medika u sostna li “postu mhux il-ħabs”, filwaqt li insista li dan “mhuwiex bniedem perikoluż għas-soċjetà”.
B’referenza għar-raġunament tal-Qorti li s-sentenza għandha sservi ta’ deterrent, Azzopardi qal li dan “jidher bħala argument dgħajjef”, u sostna li minkejja dan, il-perċezzjoni hi li l-każijiet ta’ korruzzjoni ma naqsux.
Huwa żied li, għalkemm kien hemm tentattiv biex jintalbu flus illegali, il-Qorti stess sabet li Magro ma rċieva l-ebda somma. “U xorta jeħel erba’ snin u nofs ħabseffettiv, minkejja li kellu kondotta nadifa għal snin twal,” osserva.
Azzopardi sostna li l-każ iqajjem mistoqsijiet usa’ dwar il-konsistenza fl-infurzar tal-liġi. “Kieku kull min ħarab ftit mit-taxxa spiċċa l-ħabs, illum ikollna bżonnnibdlu kull spazju miftuħ f’ħabs,” qal.
Huwa kien partikolarment kritiku tal-interdizzjoni perpetwa, u staqsa jekk din tfissirx li persuna għandhiex “it-tieni ċans” anke wara li tiskonta s-sentenza tagħha. Skontu, dan imur kontra l-prinċipju tar-riabilitazzjoni.
Minflok, huwa ssuġġerixxa li miżuri alternattivi, bħax-xogħol fil-komunità, kienu jkunu aktar xierqa, speċjalment meta wieħed iqis li Magro “jista’ jkompli jagħtikontribut lis-soċjetà, kif għamel tul is-snin tiegħu fis-servizz pubbliku”.
Azzopardi fetaħ ukoll kritika diretta lejn il-Partit Laburista, u qal li jidher ċar li “ħasel idejh minnu”. Huwa staqsa fejn jinsab il-partit f’dan il-mument, fid-dawl tal-fatt li Magro serva għal snin twal bħala segretarju ġenerali.
Dwar il-possibbiltà ta’ maħfra, Azzopardi rrefera għal każ ieħor fejn il-Prim Ministru qal li kien lest imur fil-Kabinett biex jiddiskuti maħfra għal mara li ngħatatsentenza sospiża relatata ma’ abort. Skontu, jekk jeżisti dan il-prinċipju f’każijiet oħra, għandu jkun hemm konsistenza u l-istess mekkaniżmu jista’ jiġi kkunsidratukoll fil-każ ta’ Magro.
Fl-aħħar nett, Azzopardi għamel punt dwar is-sistema tal-ħabs b’mod aktar ġenerali, fejn qal li hemm bżonn aktar enfasi fuq riabilitazzjoni. Huwa rrimarka li ħafnamill-priġunieri huma persuni bi problemi ta’ dipendenza li għandhom bżonn għajnuna aktar milli piena, u sostna li politika soċjali aktar effettiva għandha tiffokafuq dawn l-isfidi. “Basta jmorru jieħdu s-selfies mal-qagħaq tal-Appostli,” temm jgħid, b’ton kritiku.
Riflessjoni morali u kritika indiretta – Evarist Bartolo
L-Eks Ministru Evarist Bartolo ħa ton aktar kontemplattiv, u qal li fuq livell uman iħoss dispjaċir.
Huwa rrefera għall-prinċipju bibliku “Min hu bla dnub jitfa’ l-ewwel ġebla”, u sostna li r-realtà hija li hemm min jinqabad u jħallas il-prezz, filwaqt li oħrajn li jistgħu jkunu involuti f’aktar ħażen jibqgħu ma jinqabdux jew igawdu minn protezzjoni.
Il-kumment tiegħu jidher li jmur lil hinn mill-każ individwali, u jmiss il-perċezzjoni usa’ ta’ inugwaljanza fl-applikazzjoni tal-ġustizzja.
“Messaġġ ċar lill-konsulenti tal-gvern” – Matthew Caruana Galizia
Matthew Caruana Galizia laqa’ s-sentenza bħala pass importanti lejn aktar akkontabbiltà, b’mod partikolari għax il-Qorti ċaħdet b’mod deċiż l-argument li Magro ma kienx uffiċjal pubbliku.
Huwa sostna li din id-deċiżjoni għandha implikazzjonijiet usa’, speċjalment għal dawk li jservu bħala konsulenti jew persons of trust fi ħdan il-gvern.
“Dan għandu jkollu effett ta’ deterrent,” qal, waqt li wissa li l-gvern ma jistax jevita r-regoli billi jaħtar persuni barra mill-istrutturi formali.
Caruana Galizia faħħar ukoll il-kuraġġ tal-whistleblower li kixef il-każ, u enfasizza li fi żmien meta l-protezzjoni għal dawn il-persuni kienet limitata, azzjonijietbħal dawn huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-korruzzjoni tiġi esposta.
Każ li jmur lil hinn minn persuna waħda
Il-każ ta’ Jimmy Magro qed jitqies minn ħafna bħala mument sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’Malta — mhux biss minħabba l-profil tal-persuna involuta, iżda wkoll minħabba l-prinċipji legali li ġew affermati.
Il-fatt li l-Qorti kkonfermat li anke konsulent part-time jista’ jitqies bħala uffiċjal pubbliku, u li r-reat ta’ trading in influence jitwettaq mal-mument tat-talbannifisha, qed jitqies bħala preċedent importanti.
Madankollu, id-dibattitu jibqa’ miftuħ: bejn min jemmen li s-sentenza tibgħat messaġġ ċar ta’ deterrent u min iqis li l-ġustizzja għandha tkun aktar riformattivamilli punittiva.
F’kull każ, il-mistoqsija fundamentali tibqa’: din hija prova li s-sistema qed taħdem — jew każ li juri li għad hemm ħafna xi jsir biex il-ġustizzja tidher u tinħassbħala waħda għal kulħadd?
