Regoli ġodda għall-akkomodazzjoni turistika
‘Deċiżjoni kuraġġuża’ imma hemm bżonn infurzar effettiv – MHRA
“Deċiżjoni kuraġġuża tal-Gvern” huwa l-mod kif il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), Andrew Agius Muscat, iddeskriva regolamenti ġodda għall-qasam tal-akkomodazzjoni turistika mħabbra din il-ġimgħa.
Agius Muscat qal lil din il-gazzetta li kien wasal iż-żmien li jittieħdu deċiżjonijiet ibsin – imma importanti biex is-settur ikompli jibni fuq is-suċċess tal-aħħar snin.
Iktar kmieni dil-ġimgħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu Ian Borg ħabbar numru ta’ regoli ġodda li jidħlu fis-seħħ f’Ġunju u li huma mmirati biex tiżdied il-kwalità u l-livell tal-akkomodazzjonijiet turistiċi fil-pajjiż.
Skont Borg, l-għan hu li dawn ir-regoli jagħlqu lakuni li kien hemm fl-infurzar u se jsaħħu r-regolamenti li diġà jeżistu biex jikkontribwixxu lejn offerta turistika aktar reżiljenti u ta’ valur ogħla.
Agius Muscat qabel li kien hemm bżonn urġenti li jkunu indirizzati numru ta’ nuqqasijiet biex issa s-settur jiffoka fuq dawk l-opportunitajiet li jistgħu jagħtu l-ikbar valur għall-flus.
“Għal ħafna snin, l-MHRA u investituri fis-settur ħdimna biex ħloqna għażla ta’ opportunitajiet biex ftit ftit bnejna offerta turistika li s-sena l-oħra ġabet erba’ miljun turist lejn Malta,” qal.
“Issa konna qed nitkellmu mal-Gvern għax kien wasal iż-żmien li niffukaw iktar fuq dawk l-opportunitajiet li l-iktar jaqblu mal-istrateġija li għandna, li nattrattaw turiżmu ta’ kwalità.”
Fost ir-regoli l-ġodda, għax-short lets iddaħħal l-obbligu ta’ tabella fuq barra bin-numru tal-liċenzja, bl-isem u b’kuntatt aċċessibbli 24 siegħa kuljum. Obbligatorju wkoll pjan biex jinġabar l-iskart, u min jinqabad jopera dawn il-propjetajiet bla liċenzja, jitlifha għal tliet snin. Fix-short lets ukoll, se jkunu permessi sa massimu ta’ għaxar persuni.
Min irid jikri l-appartament tiegħu lit-turisti, b’mod mandatorju, għandu jkollu l-arja kkundizzjonata.
Għal dak li għandu x’jaqsam mal-lukandi, mhux se jibqgħu jintlaqgħu applikazzjonijiet għal lukandi ġodda jew għal estensjonijiet u żvilupp mill-ġdid ta’ lukandi eżistenti li jaqbżu l-għoli massimu permess fiż-żona. Lanqas mhu se jiġu aċċettati proposti ta’ lukandi ġodda t’inqas minn tliet stilel u ta’ applikazzjonijiet li jkunu ta’ iżjed minn 200 kamra. Mhux se jkunu aċċettati lanqas all-inclusive resorts ġodda u villaġġi turistiċi.
Bir-regoli l-ġodda, guest houses ma jistax ikollhom aktar minn 20 kamra, u jridu jkunu fil-qalba tal-lokalità, f’bini skedat jew f’bini b’karatteristiċi arkitettoniċi partikolari. Hostels ġodda jistgħu jkunu biss ta’ natura edukazzjonali.
Borg qal li l-Gvern irid ikompli jinvesti fis-settur tat-turiżmu sabiex ikun jista’ jagħmel dan bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod ċar. “Però, propjetajiet ta’ kwalità. Nixtiequ li tidħol iżjed responsabbiltà u rispett lejn il-ġirien u l-komunità, waqt li nissalvagwardjaw lil min diġà investa jew lil dawk li jridu jinvestu u jagħmlu biċċa xogħol tajba,” qal.
Agius Muscat qal li d-deċiżjoni tal-ministru kienet “waħda kuraġġuża” għax qed timmira li taqta’ l-abbużi waqt li tipprovdi possibbiltà għal investiment iktar allineat mal-viżjoni tal-gvern u tal-operaturi fis-settur. “Dan kien pass importanti ħafna fid-direzzjoni t-tajba,” qal.
Mistoqsi minn din il-gazzetta jekk l-MHRA ħarġitx favur dawn ir-regoli sempliċement minħabba r-restrizzjonijiet imposti fuq is-settur tax-short rentals, Agius Muscat insista li mhux il-każ.
Hu qal li l-MHRA tilqa’ kull tip ta’ kompetizzjoni, dment li r-regoli jkunu ċari u japplikaw għal kulħadd ugwalment.
Insista li ma jistax ikollok operaturi li jinjoraw ir-regoli għax hekk ma jkunx hemm dik il-level playing field li hija kruċjali biex is-settur ikompli jibni fuq is-suċċess li laħaq.
“Dawn ir-regoli huma f’waqthom imma issa iktar importanti ħa jkun l-infurzar,” qal Agius Muscat. “Infurzar regolari u mifrux ħa jkun kritiku għas-suċċess kontinwu tas-settur.”
Hu qal li s-settur tal-akkomodazzjoni turistika issa għandu l-għodda kollha biex jattratta turisti ta’ kwalità, għalkemm ammetta li s-suċċess jiddependi wkoll fuq setturi u oqsma oħra bħar-ristoranti u l-infrastruttura fil-pajjiż.
Fuq l-istabbilimenti tal-ikel, Agius Muscat qal li dan huwa settur ieħor importanti fil-formola tat-turiżmu ta’ Malta.
Qal li bħalma issa sar għall-akkomodazzjoni turistika, hemm bżonn li nagħmlu l-istess għall-istabbilimenti tal-ikel u l-operaturi f’dan il-qasam.
“Anke hawn irridu nfasslu regoli ċari ħalli ma nibqgħux lil min japprofitta min-nuqqas ta’ infurzar għad-detriment ta’ min jimxi mar-regoli.”
