It-tanker Russu tal-gass naturali likwifikat (LNG) Arctic Metagaz, li ġarrab splużjoni aktar kmieni dan ix-xahar, issa ħareġ miż-żona ta’ Tfittxija u Salvataġġ (SAR) ta’ Malta u jinsab taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Libjani, skont informazzjoni kkonfermata minn sorsi infurmati.
Is-sorsi qalu li l-vapur bħalissa jinsab madwar 111-il mil nawtiku ‘l bogħod minn Malta u qed ikompli jiddrifta ’l barra mill-gżejjer Maltin. Minkejja dan, l-awtoritajiet Maltin qed iżommu sorveljanza mill-qrib fuq il-movimenti tiegħu.
L-Arctic Metagaz huwa parti mill-hekk imsejħa “shadow fleet” Russa, li żviluppat wara s-sanzjonijiet estensivi imposti fuq ir-Russja wara l-invażjoni tal-Ukrajna fl-2022. Din il-flotta tinkludi bastimenti li joperaw permezz ta’ strutturi ta’ sidien u assigurazzjoni barra mill-ġurisdizzjoni tal-UE u tal-pajjiżi tal-G7, sabiex ikomplu jikkummerċjalizzaw enerġija Russa ma’ stati li ma aderixxewx mas-sanzjonijiet.
L-isplużjoni seħħet fl-4 ta’ Marzu fil-Mediterran ċentrali, madwar 150 mil nawtiku lejn ix-xlokk ta’ Malta, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Ritratti mill-ajru meħuda aktar tard wrew ħsara kbira fil-buq tal-vapur, b’toqba evidenti fil-ġenb tiegħu.
Skont sorsi qrib il-militar Malti, ir-ritratt inġabar minn ajruplan ta’ pattrolja marittima madwar 12-il siegħa wara l-inċident, waqt li kien qed idur fuq il-vapur milqut.
Fil-jiem ta’ wara, Transport Malta kienet ingaġġat kumpanija internazzjonali tas-salvataġġ biex tħejji pjan ta’ intervent, hekk kif il-vapur kien qed jiddrifta fil-baħar miftuħ madwar 50 mil nawtiku ’l bogħod mill-kosta Maltija.
Is-sitwazzjoni tibqa’ tiġi segwita mill-qrib mill-awtoritajiet relevanti, fost tħassib dwar riskji ambjentali u ta’ sigurtà marittima fir-reġjun.