Il-Gvern nefaq €389,753.23 fuq kampanja ta’ informazzjoni fuq numru ta’ miżuri, inizjattivi u servizzi, qal il-Prim Ministru Robert Abela.
F’mistoqsija parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia lil Abela, huwa staqsa għal rendikont tal-ispiża totali għall-kampanja tar-riklamar tal-Baġit 2026.
Abela wieġeb fejn qal li kien hemm kampanja ta’ informazzjoni fuq “l-aqwa Baġit fl-istorja ta’ investiment ta’ €9.3 biljun” li tkellmet fuq l-ikbar miżura tal-baġit it-tax cut għall-ħaddiema ġenituri, iż-żieda annwali fil-pensjoni, żieda fiċ-Children’s Allowance, l-għotja tal-first time buyers, l-estenzjoni tal-miżura tal-gym membership għaż-żgħażagħ, sussidju għal żidiet fil-pagi u s-servizz nazzjonali ta’ emerġenza veterinarja.
Il-Prim Ministru spjega li minbarra l-miżuri, kien hemm servizzi oħra li qed jiġu riklamati inkluż is-sit elettroniku budget.gov.mt u s-servizz tal-freephone 153 li bdew jaħdmu mill-għada tal-baġit b’mijiet ta’ mistoqsijiet dwar dawn il-miżuri. “Naturalment” qal Abela, li dawn is-servizzi kellhom jiġu rriklamati sabiex in-nies ikunu jafu bihom.
Hu għalaq billi qal li l-ispiża ta’ kważi €400,000 kienet tinvolvi l-istazzjonijiet tal-midja soċjali uffiċjali tal-gvern u mezzi ta’ midja tradizzjonali oħra inkluż gazzetti, televiżjoni u radju.
Caruana Cilia kien staqsa l-mistoqsija oriġinarjament f’Novembru tas-sena l-oħra, fejn għamel referenza għar-riklami wkoll bħala propaganda li l-Prim Ministru qal li hija normali li jkun hemm kampanja ta’ riklamar wara baġit. Id-Deputat Nazzjonalista staqsa l-mistoqsija sitt darbiet sakemm kellu risposta nhar l-Erbgħa 11 ta’ Marzu wara li l-ħames darbiet l-oħra Abela avżah li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar.