Karl Gouder imut fl-età ta’ 45 sena
L-eks MP Nazzjonalista ħabbar li kien se joħroġ għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali jumejn qabel ma miet fl-età ta’ 45 sena
More in Kronaka
L-eks MP Nazzjonalista ħabbar li kien se joħroġ għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali jumejn qabel ma miet fl-età ta’ 45 sena
L-eks Deputat tal-PN Karl Gouder miet nhar it-Tlieta, jumejn wara li ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-partit.
Il-katavru tiegħu nstab fil-Belt Valletta. Il-mewt mhix qed tiġi ttrattata bħala suspettuża.
Gouder kien l-eks Sindku ta’ San Ġiljan u kien Deputat tal-Partit Nazzjonalista bejn l-2010 u l-2013, u bejn l-2015 u l-2022.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-aħbar ħasdet lill-partit, u bagħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja Gouder.
“Kien persuna dedikata li okkupat diversi karigi importanti kemm fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista u anke fil-midja tiegħu. Ħsibijietna huma mal-familja tiegħu. Nitolbu li l-privatezza tal-familja tiġi rispettata f’dan il-mument delikat," huwa kiteb fuq il-midja soċjali.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li ngħaqdet mal-PN fil-politika taż-żgħażagħ fl-istess żmien ma’ Gouder, qalet li kienet mkissra bl-aħbar. "Se nimmisjak," qalet Metsola.
Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll sellem il-memorja ta' Gouder. “Lil Karl ili nafu u sirna ħbieb sew mindu konna tfal fuq il-bank tal-iskola, u kbirna flimkien. Aktar ’il quddiem sirna kollegi fil-Parlament. Minkejja fuq bankijiet opposti, il-ħbiberija tat-tfulija baqgħet dejjem hemm.,” huwa kiteb qabel ma bagħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja.
Gouder kien co-opted fil-Kamra tad-Deputati fl-2010 fl-età ta’ 30 sena, magħżul mill-eżekuttiv tal-PN biex jieħu s-siġġu vakanti tal-eks ministru Michael Frendo, li dak iż-żmien kien intagħżel biex jieħu l-irwol ta’ Speaker tal-Kamra.
Bħala student universitarju, għamel sentejn bħala membru tal-eżekuttiv tal-kunsill tal-istudenti universitarji (KSU), l-ewwel bħala teżorier, u mbagħad bħala president. Huwa kien ftaħar li mexxa kumitat attiv li rnexxielu jgħaqqad l-għaqdiet studenteski, jiġifieri l-Istudenti Demokristjani ta’ tendenza tal-PN u l-Pulse ta’ tendenza Laburista.
Huwa kkontesta b’suċċess l-elezzjoni lokali ta’ San Ġiljan għall-ewwel darba fl-2005.
Fl-2008, huwa kkontesta kemm l-elezzjoni lokali kif ukoll l-elezzjoni ġenerali, iżda naqas milli jiġi elett sindku b'10 voti biss.
Dan l-artiklu qed ikun aġġornat.