Aġġornat | Miċ-Ċirkewwa: Persuna mejta, tlieta l-isptar u 14 oħra salvati

Bugħaddas tilef ħajtu wara li sab ruħu f'diffikulta fiċ-Ċirkewwa flimkien ma' 17-il persuna oħra

Ritratti ta' James Bianchi / ILLUM
Ritratti ta' James Bianchi / ILLUM

Raġel miet wara nofsinhar wara li sab ruħu f’diffikulta fil-baħar.

Għall-ħabta tas-1:20pm il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm numru ta’ bugħaddasa li sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu fil-baħar fl-inħawi magħrufa ta' Rożi, fiċ-Ċirkewwa.

Il-Pulizija flimkien ma’ membri mill-Forzi Armati ta’ Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru immedjatament fuq il-post fejn sabu grupp ta' 18-il bugħaddas f’diffikultà.

Erbgħa minnhom irnexxielhom jitilgħu l-art waħedhom filwaqt li għall-oħrajn, bdiet operazzjoni ta’ salvataġġ.

Fuq l-art bosta timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei bdew jassistu lill-persuni, fejn erbat irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.

Wieħed minnhom sfortuntament ġie ċċertifikat mejjet ftit wara, filwaqt li l-kundizzjoni tal-oħrajn għadha pendenti.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjoni tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka