Partijiet minn Malta bla ilma, l-Enemalta u l-WSC jiċħdu t-tort

Il-lokalitajiet milquta jinkludu n-Naxxar, il-Għargħur, is-Swieqi, l-Ibraġġ, il-Madliena, u partijiet mill-Mosta, Birkirkara, l-Iklin, u San Ġwann

L-artiklu ġie aġġornat bl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista fil-5:36pm

Is-Sibt filgħodu residenti fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Malta rrappurtaw nuqqas ta' provvista tal-ilma minħabba dak li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) attribwit bħala ħsara minn naħa tal-Enemalta. Madankollu, l-Enemalta qed tiċħad kull ħtija u qalet li l-qtugħ kien parti minn xogħlijiet ippjanati.

Skont il-gazzetta Times of Malta, ir-reġjuni milquta kienu jinkludu n-Naxxar, il-Għargħur, is-Swieqi, l-Ibraġġ, il-Madliena, u partijiet mill-Mosta, Birkirkara, l-Iklin, u San Ġwann. 

L-Enemalta qed tisħaq li x-xogħlijiet kienu ppjanati u ma kien hemm l-ebda ħsarat. Meta mistoqsi dwar id-diskrepanza bejn il-verżjoni tal-WSC tal-qtugħ għal nuqqas ta’ dawl u t-talba tal-Enemalta dwar xogħlijiet ippjanati, il-kelliem tal-Enemalta wiegħed li ser jinvestiga aktar.

B’reazzjoni, il-kelliem tal-WSC informa lil Times of Malta li l-kumpanija kienet avżat lill-klijenti permezz ta’ SMS u kienet qed tinvestiga s-sitwazzjoni ukoll.

'It-taħwid tal-Eżekuttiv' fil-Ministeru ta' Miriam Dalli qed isir evidenti aktar minn qatt qabel'

B'reazzjoni għal dan, il-Kelliem Nazzjonalista għall-Enerġija Ryan Callus qal li l-inċident tal-lum ikkonferma li qalet l-Inkjesta Sofia. 

"Bħalma qalet l-Inkjesta, ngħixu fi Stat ta’ “taħwid fil-qasam tal-Eżekuttiv, fejn kulħadd jimxi fuq il-binarju tiegħu,” qal Callus.

Fi stqarrija l-MP qal li jekk taħt it-tmexxija tal-Ministru Miriam Dalli, il-WSC u l-Enemalta mhux kapaċi jikkordinaw bejniethom f'manutenzjoni li kellha tkun ppjanata, mela l-pajjiż ma jistax iserraħ moħħu li d-distribuzzjoni tas-servizzi essenzjali u l-ġenerazzjoni ta' pajjiżna se jservuna tajjeb għas-snin li ġejjin.

"Din l-inċertezza fis-settur tistona mal-ħtiġijiet tal-poplu u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jfakkar li għandu pjan ċar u dettaljat biex in-nies ikollhom servizz tal-enerġija li jixirqilhom, servizz stabbli, reżiljenti u li jistgħu jserrħu fuqu s-sena kollha. Pjan li ġie mniedi fl-eqqel tal-kriżi li l-Gvern ġab fuq il-poplu matul is-sajf li għadda"

More in Kronaka