Bugħaddas ta' 50 sena jitlef ħajtu fiċ-Ċirkewwa

Minkejja li ttieħed l-isptar għal aktar kura huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit wara 

Illum għall-ħabta ta' 12p.m. il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza minħabba li kien hemm persuna li tinsab f'diffikultà fil-baħar fl-inħawi taċ-Ċirkewwa. 

Il-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru minnufih fuq il-post fejn sabu lill-bugħaddas fuq l-art wara li ttella' mill-baħar minn xi nies li kienu miegħu. 

Huwa mill-ewwel beda jingħata l-assistenza medika u ambulanza ħaditu l-isptar għall-aktar kura, iżda sfortuntatament, ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara. 

Aktar tard, il-vittma ġie identifikat bħala Iżraeljan ta’ 50 sena. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo  ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka