Il-ġuvni li kien involut fl-inċident ta' Ħaż-Żebbuġ qiegħed fil-periklu tal-mewt

Huwa tilef il-kontroll tal-vettura li kien qiegħed isuq u baqa' dieħel fil-barrikati u fil-ħajt

Il-ġuvni ta' 19-il sena minn Ħal Qormi, li lbieraħ kien involut f'inċident tat-traffiku qiegħed fil-periklu tal-mewt hekk kif ġie iċċertifikat bi ġrieħi serji. 

L-inċident ġara ilbieraħ filgħaxija meta għall-ħabta tas-6:15 p.m. il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ. 

Mill-investigazzjonijiet preliminari irriżulta li l-ġuvni tilef il-kontroll tal-vettura, Toyota Vitz, li kien qiegħed isuq, ħabat mal-barrikati kif ukoll ma' ħajt, b'konsegwenza li l-vettura ġarrbet ħsarat estensivi. 

Aktar tard, filwaqt li ntalbet l-assistenza ta' tim mediku tal-għajnuna ambulanza, ittieħed l-isptar Mater Dei. 

Il-Maġistrat tal-għassa Dr Gabriella Vella kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka