Għasfur il-kaġun ta' żewġ titjiriet imħassra f'Berlin u f'Pariġi

L-Air Malta offriet akkomodazzjoni għal dawk kollha milquta filwaqt li ssostni li 's-sigurtà tibqa' priorità'

Lejliet l-Ewwel Jum tas-Sena titjira li kellha tiġi Malta minn Berlin kellha titħassar hekk kif għasfur ħabat mal-ajruplan tal-AirMalta u sussegwentament ikkawżat ħsarat lil magna. 

Dan l-ajurplan, minħabba l-ħsara li saritlu, preżentament qiegħed jissewwa f'Berlin stess. MaltaToday irraportat li dawk il-passiġġiera li kienu affettwati, kif ukoll l-ekwipaġġ li kien abbord l-ajruplan, ingħataw akkomodazzjoni temporanja f'lukanda sakemm qabdu titjira oħra lejn Malta, l-għada. 

Intant fi stqarrija l-Air Malta saħqet li kawża ta' dan l-istess inkovenjent kellha titħassar titjira oħra lejn Pariġi u dan hekk kif ma kienx hemm ajruplani għad-dispożizzjoni tagħhom, hekk kif dan huwa wieħed mill-aktar staġuni popolari għas-safar. 

Il-passiġġiera ngħataw akkomodazzjoni f'lukanda kemm f'Malta (għal dawk it-turisiti li jridu jmorru lura Pariġi) kif ukoll f'Pariġi stess. Apparti minn hekk it-titjiriet alternattivi issa se jsiru għada filgħaxija. 

Fl-aħħar tal-istqarrija l-Air Malta filwaqt li skużat ruħha tal-inkovenjent saħqet li "is-sigurtà tibqa' priorità."

More in Kronaka