Id-Dwana Maltija ssib u tikkonfiska 18-il vettura oħra misruqa mill-Kanada

Dan ifisser li t-total tal-vetturi misjuba fl-aħħar ġimgħat mid-Dwana Maltija issa jlaħħaq l-42 vettura

L-Uffiċjali tad-Dwana fil-Port il-Ħieles komplew bil-ħidma tagħhom u rnexxielhom jidentifikaw aktar kontejners li fihom kien hemm moħbija aktar karozzi misruqa mill-Kanada.

Wara li fil-ġimgħat li għaddew instabu xejn inqas minn 24 karozza misruqa f'14-il kontejner, fl-aħħar jiem instabu 18-il karozza oħra biex b'kollox, id-Dwana ta' Malta, irnexxielha tidentifika 42 vettura.

Uħud minn dawn il-vetturi ġew misruqa bil-forza. 

Ta' min ifakkar kif fl-aħħar jiem, il-Pulizija fil-Kanada rringrazzjaw lid-Dwana u anke lill-Pulizija Maltija għall-ħidma tagħhom. Fil-fatt, anke bis-saħħa tal-informazzjoni mid-Dwana Maltija, il-Pulizija Kanadiża arrestat disà persuni li jiffurmaw parti minn grupp ta' kriminalità internazzjonali.

Fl-istess stqarrija, il-Pulizija Kanadiża kienet spjegat kif irnexxielha tikkonfiska xejn inqas minn 88 vettura, li 24 minnhom kienu nstabu f'Malta. Ovvjament, issa ma dawn iridu jiżdiedu t-18-il vettura oħra.

Il-vetturi misjuba fl-aħħar jiem kienu dawn: 5 Ford F150, 1 Ford F250, 2 Lexus RX35, 2 Jeep Gran Cherokee, 1 Jeep Wrangler, 2 Honda CRV, 1 Chrysler, 1 Chevrolet Taho, 2 Dodge Dura, 1 range Rover. Anke dawn il-karozzi kienu fi triqithom lejn Abu Dhabi.

Servizz dettaljat dwar din l-operazzjoni tad-Dwana se ssibuha nhar il-Ħadd li ġej fuq il-gazzetta ILLUM.

More in Kronaka