Il-priġunier li pprova jwettaq suwiċidju fil-ħabs jitlef ħajtu iktar kmieni illum

Colin Galea ta' 30 sena kien instab minn sieħbu fiċ-ċella jipprova jneħħi ħajtu b'idejh...

Colin Galea
Colin Galea

Il-priġunier - Colin Galea - li pprova jagħmel suwiċidju tmient ijiem ilu, sfortunatament miet ftit tal-ħin ilu. Kien ħuh Claudio Galea li ħabbar il-mewt filwaqt li qal illi se jibqa' jħobb lil Colin għal dejjem u talab lin-nies għall-għajnuna. 

Galea, ta' 30 sena, kien fl-ITU għal dawn l-aħħar jiem wara li nstab barra minn sensih fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ftit wara l-5:00 p.m nhar it-8 ta' Awwissu. 

Colin Galea huwa it-13-il priġunier li miet sa mill-2018 u t-tieni wieħed sa issa, din is-sena. 

Peppi Azzopardi f'artiklu li deher nhar il-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta ILLUM irrakkonta kif il-priġunier li kien jaqsam iċ-ċella miegħu kien mar lura fiċ-ċella u sab lil Galea jitgħallaq u li darba, ftit qabel ma' sar dan is-suwiċidju kienu talbu fann għas-sħana, iżda l-gwardjani ma aċċettawx. Darba oħra - ikompli jikteb Azzopardi - Tony qallu li dan il-priġunier sieħbu "kompla jiddispra meta beda jitlobhom biex jeħduh f’division oħra fejn hemm ix-xogħol għax ried jaħdem. Talabhom bil-ħniena.  Meta rrifjutaw u qalulu le beda jibki u  beda jsabbat rasu mal-ħajt, f'disprament”  

Fl-istess jum dan l-istess priġunier - Tony Borg -  kien intervistat mill-gazzetta The Sunday Times u fl-intervista qal illi d-Direttur tal-Ħabs joqgħod idur b'revolver f'idejh u żewġ membri tas-sigurtà fil-Ħabs u qal li għandu jiġi msakkar hu.  

Ftit wara l-inċident bord ingħata l-inkarigu li jirrevedi l-miżuri għall-prevenzjoni tas-suwiċidju fil-Ħabs u buex jevalwa miżuri ta' appoġġ għal dawk il-priġunieri li huma dipendenti fuq id-droga. 

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat il-preżenza ta' siġġu fil-Ħabs li kien użat fuq xi priġunieri bħala kastig, imma li ma baqax jintuża wara li Byron Camilleri sar Ministru.

More in Kronaka