Aġġornata | L-armi tan-nar u l-materjal splussiv misjuba fil-baħar jistgħu jkunu marbuta ma' Tal-Maksar

L-aħwa Robert u Adrian Agius (Tal-Maksar) kienu ġew arrestati u tressqu l-Qorti, akkużati li ssupplixxew il-bomba li ntużat biex qatlet lil Daphne Caruana Galizia

Diversi rapporti qed jindikaw li l-armi, il-munizzjon u anke l-materjal splussiv li nstabu f'qiegħ il-baħar, fl-inħawi tal-Miġra Ferħa, jistgħu jkunu marbuta mal-grupp kriminali Tal-Maksar.

L-aħwa Robert u Adrian Agius (Tal-Maksar) kienu ġew arrestati u tressqu l-Qorti, akkużati li ssupplixxew il-bomba li ntużat biex qatlet lil Daphne Caruana Galizia, fost akkużi oħra. Adrian Agius qed ikun akkużat ukoll li kien il-moħħ wara l-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, fl-2015

Sorsi mill-Pulizija kkonfermaw ma' siti tal-aħbarijiet, fosthom mal-MaltaToday, li l-armi mormija fil-baħar x'aktarx li huma marbuta ma' Tal-Maksar.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li lbieraħ waranofsinhar ġiet infurmata li fiż-żona magħrufa bħala Miġra Ferħa, ir-Rabat, kienu ntlemħu xi armi f'qiegħ il-baħar. Il-materjal instab u ttella' mill-baħar dalgħodu. 

Skont The Times of Malta, l-armi u anke l-materjal instabu f'basktijiet waterproof, indikazzjoni li dawn kellhom jerġgħu jiġu rkuprati.

Dwar din is-sejba, għaddejja wkoll inkjesta maġisterjali.

More in Kronaka