18-il persuna jinqabdu jagħmlu festin f'nofs ta' lejl f'Baħar iċ-Ċagħaq

Fuq xi persuni nstabet ukoll id-droga

Tmintax-il persuna nqabdu jattendu festin f’post pubbliku fl-inħawi tal-White Rocks, f’Baħar iċ-Ċagħaq u dan kontra l-avviż legali li ħareġ il-Gvern biex ikunu evitati ġemgħat ta’ aktar minn tliet persuni f’postijiet pubbliċi.

Ħames persuni minnhom kellhom fuqhom id-droga u allura qed jinżammu għal aktar stħarriġ.

Il-Pulizija qabdet lil dawn il-persuni għall-ħabta tat-3:30am meta l-Pulizija rċeviet rapport ta’ diversi karozza fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq u li x’aktarx kien qed isir festin.

Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija marru fuq il-post u nstemgħet mużika ġejja minn ġo kmamar li hemm fuq il-post.

Il-Pulizija daħlu ġewwa u sabu 18-il persuna, l-organiżattur tal-festin, id-DJ u 16-il persuna oħra.

Il-Pulizija tad-Distrett għamlu tfixxijiet fuq il-persuni u fil-kmamar fejn kienu. Hemmhekk instab basket li kien fih borża b’pilloli suspettata droga ecstasy, kif ukoll miżien u xafra moħbija fuq raġel ta’ 25 sena, u droga, suspettata cannabis fuq mara ta’ 36 sena. 

Il-Pulizija tad-Distrett kellha suspett li hemm iżjed droga moħbija u għalhekk issejħu fuq il-post membri tas-Sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija fejn minn tfittxjiet li saru, instabet iżjed droga suspettata ħaxixa tal-kannabis, raża tal-kannabis u bott bi traċċi ta’ droga suspettata kokaiana. 

Il-persuni kollha ttieħdu fl-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar investigazzjonijiet fejn saru.

More in Kronaka