86% tal-miżuri tal-Budget 2026 implimentati, jgħid il-Gvern

Ir-rata mistennija titla’ għal madwar 90% sal-aħħar tas-sena • Fost il-miżuri hemm żieda ta’ €10 fil-ġimgħa għall-pensjonanti, tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri u żieda ta’ 15% fl-istipendji

 

Il-Gvern implimenta 86% tal-miżuri mħabbra fil-Budget 2026, b’din ir-rata mistennija titla’ għal madwar 90% sal-aħħar tas-sena, skont rapport ippreżentat it-Tnejn.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana ppreżenta r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Budget 2026 lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, hekk kif it-tħejjijiet għall-Budget 2027 daħlu fl-aħħar fażi tagħhom.

Id-dokument jagħti rendikont tal-istat ta’ implimentazzjoni tal-miżuri mħabbra fil-Budget 2026, kif ukoll ta’ dawk li kienu nġarru minn budgets bejn l-2022 u l-2025.

Skont ir-rapport, 86% tal-miżuri tal-Budget 2026 diġà ġew implimentati, filwaqt li sa tmiem is-sena din iċ-ċifra mistennija tilħaq madwar 90%.

Fost il-miżuri li l-Gvern qal li ġew implimentati hemm żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet għal aktar minn 100,000 pensjonant.

Il-Gvern semma wkoll €160 miljun fi tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri.

Fl-istess waqt, l-istipendji żdiedu bi 15% għal 16,800 student, filwaqt li madwar 10,800 familja bi dħul baxx ibbenefikaw minn żieda fiċ-Children’s Allowance.

L-iskema tal-Pink Card, li tagħti mediċini u assistenza medika b’xejn lil persuni eliġibbli, ġiet estiża għal dawk li għandhom 65 sena jew aktar u li jirċievu s-Supplementary Allowance.

Skont il-Gvern, madwar 9,500 persuna bbenefikaw minn din il-miżura.

Il-grant annwali taħt l-iskema Carer at Home żdied ukoll għal €9,000.

Servizz.gov beda jiftaħ iċ-ċentri tiegħu wkoll is-Sibtijiet, filwaqt li nfetaħ ċentru ġdid f’Birżebbuġa.

Ir-rapport isemmi wkoll proġetti mħabbra f’budgets preċedenti li ġew implimentati matul din is-sena.

Fost dawn hemm iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran, il-portal il-ġdid ta’ Servizz.gov li juża l-intelliġenza artifiċjali, u kumpens lil eks ħaddiema ta’ Telemalta, tat-Tarzna u tal-Gas Board.

Sultana qal li l-miżuri tal-budget m’għandhomx jibqgħu biss wegħdiet fuq il-karta, iżda għandhom jissarrfu f’riżultati konkreti għall-pubbliku.

Huwa żied li t-trasparenza u l-accountability huma pilastri essenzjali ta’ amministrazzjoni pubblika li taqdi liċ-ċittadini.

More in Kronaka